Monday, July 14, 2025

“Irridu nipproteġu t-tfal mill-perikli fl-isfera diġitali” – l-MPE Dr Alex Agius Saliba

Aqra wkoll

F’era ta’ sfidi globali, trasformazzjonijiet teknoloġiċi u tibdiliet fil-mod kif il-politika u s-soċjetà jinteraġixxu f’livell Ewropew, il-ħtieġa għall-politiċi b’viżjoni, ħeġġa u dedikazzjoni hija kruċjali. Fil-jiem li għaddew, dan il-ġurnal tkellem mal-MPE Laburista Dr Alex Agius Saliba dwar il-ħidma tiegħu speċjalment fil-kontenut diġitali li kulma jmur dejjem qed isir iktar diffiċli tikkontrollah jekk ma jittiħdux il-prekwazjonijiet meħtieġa.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regolamenti sabiex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali tal-minuri online wara li Alex Agius Saliba nnegozja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu ta’ rapporteur fil-kumitat dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO). Agius Saliba issa se jkollu wkoll ir-rwol ta’ negozjatur ewlieni f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fid-djalogu dwar ir-regolamenti proposti mal-iStati Membri.

Qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024, il-Parlament approva regolamenti li jtejbu l-protezzjoni tat-tfal mit-trawwim onlajn għal abbuż sesswali.  Ir-regolamenti se jagħmluha iktar faċli sabiex jiġi ntraċċat l-oriġini ta’ materjal ta’ abbuż sesswali. Fl-istess waqt, ir-regolamenti se jintroduċu salvagwardji dwar il-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjoni permezz ta’ enkrizzjoni minn tarf sa tarf tal-messaġġi.

Fi kliemu stess: “Irridu nipproteġu t-tfal mill-perikli fl-isfera diġitali u rridu niġġieldu l-produzzjoni u l-firxa ta’ materjal ta’ abbuż sesswali. Fl-istess waqt, irridu nirrispettaw il-privatezzi ta’ min juża l-internet.” 

Agius Saliba qed imexxi n-negozjati mal-Kunsill Ewropew biex jiġu introdotti salvagwardji aktar b’saħħithom, li jiżguraw tneħħija rapida ta’ kontenut illegali u strumenti ta’ verifika tal-età biex jitnaqqas ir-riskju ta’ grooming diġitali fuq pjattaformi bħal TikTok u Instagram.

Il-Parlament Ewropew approva wkoll rapport importanti ppreżentat minn Agius Saliba dwar il-ħarsien tal-konsumaturi meta jibbukkjaw vaganzi minn pajjiż għall-ieħor.

“Fost il-proposti li ressaq f’dan ir-rigward hemm li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikollhom assigurazzjoni obbligatorja f’każ ta’ falliment, lii f’każ ta’ kanċellazzjoni, il-konsumatur jingħata għażla bejn voucher jew rifużjoni u li l-voucher ikun trasferibbli u validu għal sena. Barra minn hekk għandu jkun hemm rispons obbligatorju fi żmien 14-il ġurnata għal kull problema marbuta mal-vjaġġ.”

Agius Saliba tenna: “Ftit niftakru l-kaos li nqala’ mal-pandemija meta ħafna konsumaturi ma kinux jafu jekk kellhomx dritt għal rifużjoni, u oħrajn tilfu l-flus tagħhom meta falliet kumpanija partikolari. Irridu nipproteġu d-drittijiet tagħhom b’liġijiet ċari.”

F’reazzjoni għall-investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea kontra pjattaformi bħal X u TikTok, Agius Saliba fakkar ir-responsabbiltà li għandhom il-pjattaformi soċjali: “Irridu li pjattaformi bħal TikTok u X jieħdu r-responsabbiltà tagħhom bis-serjetà. Il-Kodiċi tal-UE kontra d-Diżinformazzjoni għandu jiġi rispettat b’mod sħiħ, u min jirtira minnu, bħal Elon Musk, qed jimmanifesta nuqqas ta’ rispett lejn is-sigurtà taċ-ċittadini.”

L-għan ewlieni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet huwa li tiġi evitata l-amplifikazzjoni ta’ kontenut foloz u l-użu ta’ kontijiet foloz jew bots. Agius Saliba appella għall-monitoraġġ kontinwu, speċjalment fi żminijiet ta’ elezzjonijiet.

Saliba bħalissa qed jaħdem fuq numru ta’ proposti oħra, inkluż pakkett ġdid għad-drittijiet tal-konsumatur li se jdaħħal regolamenti ġodda fuq booking platforms. Hemm ukoll regolamenti dwar fondi minn pajjiżi terzi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ influwenza mhux trasparenti fuq organizzazzjonijiet Ewropej. Fl-istess waqt hemm ukoll id-drittijiet soċjali u tax-xogħol li jinkludu proposti għall-ħaddiema fuq pjattaformi jew kif inhi msejħa bl-Ingliż gig economy.

Huwa rrimarka wkoll li wara waqfa tas-sajf, f’Settembru jew Ottubru, se jiġu ppubblikati aktar liġijiet li ilu jaħdem fuqhom għal sitt snin, inkluża proposta li tagħti dritt fundamentali lill-ħaddiema kollha fl-UE.

Barra mill-politika, Agius Saliba huwa miżżewweġ lil Sarah Agius Saliba u flimkien għandhom tifla jisimha Amelia. Għalkemm il-ħajja tiegħu hija mimlija bil-vjaġġi u l-impenji f’Brussell, l-appoġġ tal-familja jibqa’ l-qalba tal-impenn politiku tiegħu.

Dr Alex Agius Saliba qed juri b’ħidma konkreta li l-politika Ewropea tista’ tkun aktar mill-burokrazija u d-diskorsi. Permezz tal-inizjattivi tiegħu fil-qasam diġitali, il-konsumatur, u l-ġlieda kontra l-abbuż u d-diżinformazzjoni, qed isaħħaħ lill-Unjoni Ewropea bħala entità aktar sigura, ġusta u soċjali.

Fid-dinja tal-lum, fejn il-politika ħafna drabi titħallat mal-populiżmu u l-konfrontazzjoni, Agius Saliba joffri approċċ ibbażat fuq argument, leġiżlazzjoni u rispett. Hija din il-viżjoni li qed iġġib l-fiduċja ta’ eluf ta’ ċittadini Ewropej u ta’ dawk li jemmu fil-valuri soċjalisti: ugwaljanza, progress u ġustizzja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport