Sunday, December 22, 2024

“Irridu niżbru l-karattru tagħna mit-tendenzi ta’ piki” – l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Snin ilu kienet inħatret Kummissjoni biex teżamina s-sistema elettorlai. Ġew eżaminati metodi li għamluha aktar faċli li fil-Parlament ikun hemm aktar minn żewġ formazzjonijiet politiċi.

“Naħseb li lħaqna maturità politika biżżejjed biex nerġgħu neżaminaw din il-materja sabiex iċ-ċittadini tagħna jkollhom aktar libertà ta’ għażla fejn tidħol id-dritt tal-assoċjazzjoni u riżultat ta’ dan tar-rappreżentazzjoni fil-Parlament.

“B’tibdiliet bħal dawn, l-istabilità fil-governità tkun tirrikjedi li nkomplu niżbru l-karattru nazzjonali tagħna mit-tendenzi li għandna li ninħlew f’piki u interessi settarji u jkun irid jitpoġġa fuq quddiem b’mod assolut l-interess nazzjonali.”

Dan qalitu l-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, in-Nutar Miriam Spiteri Debono, f’intervent li għamlet waqt sessjoni parlamentari speċjali fl-okkażjoni ta’ għeluq il-100 sena mill-ewwel seduta tal-Assemblea Leġiżlattiva u tas-Senat Malti wara l-għotja tal-Kostituzzjoni Amery-Milner. 

Fid-diskors tagħha, Spiteri Debono semmiet kif minn dan il-Parlament ħarġu liġijiet li fasslu l-qafas tal-istruttura fiskali, monetarja u industrijali li ssarfet f’pedament għall-ekonomija tal-pajjiż bil-kontribut ta’ kulħadd u dejjem kontinwazzjoni fuq it-tajjeb li jkun sar qabel. 

“Il-liġijiet li lill-poplu tawh opportunitajiet indaqs sepċjalment fejn tidħol is-saħħa u l-edukazzjoni assiguraw ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għollew id-dinjità tal-ħaddiem.

“Saru liġijiet soċjali li żmien wara l-ieħor ġew imtejba l-pensjonijiet, għotjiet li jingħataw regolarment f’assistenza soċjali, għajnuniet lill-familji fit-trobbija tat-tfal, kura tal-anzjani, sostenn speċjali lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jeħtiġuh. 

“Bil-persważjoni u l-kompromess irnexxielna li f’dan il-Parlament jintlaħaq qbil li seħħ fi żvilupp politiku u kostituzzjonali u qbil ukoll f’dak li jirrigwardja tibdil fis-sistema elettorali tagħna. Din dejjem ġiet irfinuta biex tipprovdi rappreżentanza aktar ekwa tal-elettorat,” qalet Spiteri Debono.

Hija nnotat ukoll tibdil aktar riċenti li seħħ din is-sena wara “s-sulluzzu ta’ 40 sena” fejn tidħol rappreżentanza tas-sess femminili fil-Parlament, il-Kamra approvat l-Att Numru 20 b’vot kważi unanimu li jiddikjara l-prinċipju li għandu jkun hemm ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika. Dan filwaqt li ġie wkoll imniedi makkinarju korrettiv biex wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss dan in-nuqqas jibda jissewwa.

Hija semmiet ukoll li funzjoni ewlenija tal-Parlament hi l-iskrutinju tal-operat tal-Gvern. Hija nnotat kif f’dawn l-aħħar snin żdiedu l-għodod sabiex dan l-iskrutinju jsir b’mod aktar effettiv.

Kompliet tgħid li min ikun elett biex jirrappreżenta lill-poplu f’din il-Kamra jibda jissejjaħ Onorevoli. “Anqas ma jingħata x’jagħmel il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika aktar ikun mistħoqq dan it-titlu,” qalet Spiteri Debono li saħqet ukoll li r-rispett qabel tistennieh trid taħdem għalih u ssostnieh.

Hija temmet id-diskors tagħha billi tat ġieħ u sellmet lil dawk kollha li tul iż-żmien taw sehemhom sabiex inbniet Malta li nafu llum u fl-istess waqt “inżommu quddiem għajnejna li warajhom kien hemm familja li meta sofrew, sofriet magħhom.”

Nirringrazzja lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, lill-membri tal-Kamra u lill-istaff kollu tal-parlament li b’esperjenza personali naf li d-dedikazzjoni tagħhom tassigura li dan il-Parlament jiffunzjona tajjeb. Jalla ż-żmien li ġej dan il-Parlament ikompli jkun ta’ servizz għall-poplu taħgna u jgħin biex il-poplu jitmexa ‘l quddiem,” temmet tgħid l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono.

Ekonomija

Sport