Sunday, December 22, 2024

“Irridu nkomplu naħdmu sabiex ikollna Ewropa soċjalment aktar ġusta”

-L-MPE Alex Agius Saliba b’rabta mal-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar snin fil-Parlament Ewropew,

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kienu erba’ snin u nofs ta’ ħidma intensiva. Issa nħarsu ‘l quddiem għal aktar u aktar ħidma. Fadlilna ħafna sfidi quddiemna bħala Parlament Ewropew. Għaddejna minn perjodu ta’ instabbiltà ekonomika u soċjali qawwija. Nemmen li fuq bażi Ewropea, irridu nkomplu naħdmu sabiex ikollna Ewropa soċjalment aktar ġusta. Ewropa aktar soċjali. Din se terġa’ tkun il-prijorità tiegħi għall-ħames snin li ġejjin.”

Iddikjara dan il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba f’intervista li saritlu minn dan is-sit b’rabta mal-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar snin fil-Parlament Ewropew, fejn qal li matul din il-leġiżlatura huwa ffoka l-aktar fuq inizjattivi u leġiżlazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa dak li jtejbu b’mod pożittiv il-ħajja tan-nies. 

Agius Saliba beda biex spjega li huwa ħadem qatigħ fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u d-drittijiet tal-ħaddiema fuq bażi Ewropea. Qal li beda din il-leġiżlatura b’responsabiltajiet li ma kinux żgħar, fosthom bl-Att dwar is-Servizzi Diġitali Ewropej. Att li jagħti sett ta’ drittijiet ħafna u ħafna aktar b’saħħithom lill-konsumaturi meta jiġu biex jixtru online u anke lilna li nużaw l-pjattaformi diġitali ta’ kuljum.

“Kont appuntat bħala negozjatur ewlieni tal-PE fuq dan l-akbar pakkett ta’ leġiżlazzjoni li kellna f’dawn il-ħames snin fuq il-qasam diġitali. Illum huwa approvat u għandna leġiżlazzjoni li jista’ jgawdi minnha kulħadd,” qal l-MEP Laburista. 

Kompla jgħid li l-ħidma tiegħu ffokat fuq leġiżlazzjoni oħra fuq bażi Ewropea li tipproteġi faxex differenti tas-soċjetà, b’mod partikolari l-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal. Huwa qal li l-PE għadu kemm approva rapport kontra l-abbuż fuq il-minorenni fuq bażi online, fejn issa għandna sett ta’ regolamenti li jagħtu aktar protezzjoni lit-tfal. 

“Nafu li hi wġigħ ta’ ras għal kull ġenitur li jara lit-tfal tiegħu jqattgħu ħafna ħin fuq dawn il-pjattaformi online. Illum għandna l-ewwel proposta approvata fejn matul il-leġiżlatura li jmiss, probabbilment, se jkollna l-ewwel liġi li tirregola l-mod kif jaħdmu dawn il-pjattaformi sabiex innaqqsu l-ħin li t-tfal iqattgħu fuqhom,” qal Agius Saliba.

Huwa tkellem ukoll dwar il-ftehim milħuq b’rabta maċ-Ċarġer Ewropew Komuni u l-liġi li qiegħda tkun diskussa dwar ir-right to disconnect. Dwar din tal-aħħar, Agius Saliba nnota li għalkemm il-liġi kienet approvata ftit tas-snin ilu, ix-xogħol fuqha ma waqafx. 

Proprju t-Tlieta li għadda sar dibattitu fil-PE li kien mitlub mill-MPE Alex Agius Saliba u mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li fihom huwa msieħeb il-Partit Laburista Malti. 

L-għan tad-dibattitu kien li l-Parlament jiġi aġġornat dwar ix-xogħol imwettaq dwar din ir-riforma minn mindu ġie adottat ir-rapport imħejji  mill-MPE  Laburista  fl-2021.  Dan  id-dibattitu  ġie  msejjaħ  f’mument  f’waqtu, speċjalment fid-dawl tar-reżistenza dejjem tiżdied tal-għaqdiet ta’ min iħaddem li dan l-aħħar żammew milli jintlaħaq ftehim bejn l-imsieħba Soċjali Ewropej.

“Se nkunu qed nagħmlu talba formali lill-Kummissjoni Ewropea sabex din il-leġiżlazzjoni titmexxa ‘l quddiem mill-KE u fil-bidu tas-sena d-deħla nkomplu mmexxi l-aħħar parti tan-negozjati biex ikollna dan id-dritt li jitgawda mill-ħaddiema kollha bl-istess mod,” tenna Agius Saliba.

Huwa żied jgħid li rridu naraw li l-prinċipji li huma fundamentali għall-Unjoni Ewropea bħas-Suq Uniku Ewropew, għandu jaħdem bl-istess mod u ġust mhux favur il-ftit kumpaniji kbar, imma favur iż-żgħar, dawk l-aktar vulnerabbli u l-konsumaturi.

Finalment huwa qal li l-ħidma li saret f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs fil-PE għandha tkompli għaddejja matul il-leġiżlatura li ġejja sabiex naraw li l-proġett Ewropew jibqa’ rilevanti f’għajnejn in-nies.

“U kif dan se jibqa’ rilevanti? Billi l-PE fl-aħħar mill-aħħar jitkellem fuq il-prijoritajiet tan-nies, fuq dak li qed jinkwieta lin-nies, fuq dak li jista’ jtejjeb il-ħajja tan-nies. Dak beħsiebni nibqa’ nagħmlu matul is-snin li ġejjin fil-Parlament Ewropew,” temm jgħid Agius Saliba.

Ekonomija

Sport