Sunday, November 24, 2024

Irridu nkomplu nilqgħu għar-realtajiet ġodda li qed tiffaċċja l-mara fis-soċjetà tal-lum

Aqra wkoll

Matul laqgħa mal-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li filwaqt li saru ħafna riformi biex il-mara tkompli tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha f’pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu nilqgħu għar-realtajiet ġodda li qed tiffaċċja fis-soċjetà tal-lum.

Dr Abela semma l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u kif iċ-childcare b’xejn wassal biex il-mara terġa’ tibda taħdem wara li jkollha l-ewwel wild. Dan filwaqt li aktar nisa setgħu jsiru ommijiet għall-ewwel darba permezz tal-introduzzjoni tal-liġi tal-IVF f’pajjiżna. Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar li s’issa, mill-2013 lil hawn, twieldu total ta’ 590 tarbija bl-IVF. Irrefera wkoll għall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv biex aktar nisa jsiru membri parlamentari u l-introduzzjoni tal-liġi tal-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali.

B’referenza għat-tielet strateġija kontra l-vjolenza domestika, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din qed tiffoka iktar fuq il-prevenzjoni tagħha, bl-introduzzjoni ta’ mezzi teknoloġiċi li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Strateġija oħra li wkoll għandha lin-nisa fiċ-ċentru tagħha hija dik dwar it-traffikar tal-persuni li għalkemm in-numru f’pajjiżna jibqa’ relattivament baxx, xorta waħda saru sforzi leġiżlattivi biex jitnaqqas l-ammont ta’ vittmi fosthom bir-regolarizzazzjoni tat-temping agencies u t-twaqqif ta’ helplines apposta.

Dr Abela qal li filwaqt li saru sensiela ta’ riformi biex il-mara tibqa’ timxi ’l quddiem f’pajjiżna, saħaq li jeħtieġ li nilqgħu għal realtajiet ġodda li jiltaqgħu magħhom in-nisa. Qal li l-mara trid tittieħed f’kuntest usa’, b’mod partikolari fejn tidħol it-trobbija tat-tfal u l-familja.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Dr Rebecca Berry Wellman irrikonoxxiet ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward u sostniet li ċ-childcare b’xejn hija waħda mill-iktar miżuri li l-kunsill iħoss li għenet lill-mara biex tibbilanċja l-familja u l-karriera.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia.

Sport