– Jason Zammit – Kap Eżekuttiv ġdid tal-Aġenzija Żgħażagħ
Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, Jason Zammit inħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Aġenzija Żgħażagħ.
Zammit mhuwiex wiċċ ġdid għall-Aġenzija, wara li kien parti mill-vjaġġ tagħha għall-aħħar 15-il sena, u kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-tkabbir u l-iżvilupp tagħha matul is-snin. L-għarfien profond tiegħu tax-xogħol maż-żgħażagħ u l-impenn fit-tul lejn iż-żgħażagħ jagħmluh adattat b’mod naturali għal dan ir-rwol.
Intant, immedjatament wara li tħabbar li Jason Zammit inħatar f’din il-kariga, dan il-ġurnal għamel kuntatt miegħu, fejn tana iktar dettalji.
Kif qed tħares lejn ir-rwol il-ġdid tiegħek bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ?
Dan ir-rwol huwa bla dubju sfida ġdida, iżda huwa wkoll opportunità importanti. Inħares lejn dan ir-rwol bħala pass li nista’ nieħu wara aktar minn 15-il sena ta’ impenn kontinwu fl-Aġenzija Żgħażagħ, fejn rajt lill-entità tikber b’mod sinifikanti u, b’mod parallel, żviluppajt ukoll jien professjonalment magħha. Din l-esperjenza tatni u ppreparatni għal din il-kariga, kemm minn perspettiva strateġika kif ukoll operattiva.
Inħoss li nista’ nservi bħala “bridge” bejn il-ħidma tajba li saret fis-snin li għaddew u l-bidliet li jista jkun hemm bżonn biex nibqgħu rilevanti u innovattivi f’soċjetà li qed tinbidel malajr. Il-kontinwità tibqa’ essenzjali, iżda fl-istess ħin irridu nkomplu nsaħħu l-ħila tagħna li nirrispondu għall-ħtiġijiet ġodda taż-żgħażagħ.
L-iktar aspett li qed jimmotivani f’dan ir-rwol huwa l-opportunità li nagħmlu differenza konkreta fil-ħajja taż-żgħażagħ. Nemmen li l-Aġenzija għandha rwol kruċjali mhux biss li toffri servizzi u opportunitajiet, iżda wkoll li tħalli impatt pożittiv fl-izvillup ta’ żgħażagħ aktar attivi, reżiljenti u parteċipattivi fis-soċjetà.
Fil-prattika, nixtieq nara Aġenzija li tkompli tersaq eqreb lejn iż-żgħażagħ, tkun aktar proattiva fl-identifikazzjoni tal-isfidi tagħhom, u li taħdem b’mod aktar kollaborattiv ma’ stakeholders differenti. Dan kollu bl-għan aħħari li nkomplu ntejbu l-esperjenza taż-żgħożija f’Malta u noħolqu ambjent fejn kull żagħżugħ u żagħżugħa jista’ jilħqu il-potenzjal sħiħ tiegħu.
Kemm tgħallimt mill-predeċessur tiegħek, Miriam Teuma, f’din il-kariga?
Ilni naf lil Miriam Teuma aktar minn 20 sena, u għalhekk intervista waħda żgur mhix biżżejjed biex ngħid dak kollu li tgħallimt mingħandha. Dejjem kelli ammirazzjoni kbira lejha u qistha bħala mentor – persuna li tassew tifhem iż-żgħażagħ u x-xogħol li hemm bżonn isir magħhom.
Din hi kwalità li ma rajthiex biss jien, iżda kull min ħadem magħha, kemm Malta kif ukoll barra. U jekk ikolli nagħżel aspett wieħed li jispikka fiha, ngħid il-perseveranza – kwalità essenzjali meta taħdem maż-żgħażagħ u li żgur ħalliet impatt fuqi.
Meta twaqqfet l-Aġenzija Żgħażagħ u x’inhu l-iskop tagħha?
L-Aġenzija Żgħażagħ twaqqfet fl-2010 u bdiet topera fl-2011, u din is-sena qed tiċċelebra 15-il sena ta’ ħidma. Ir-raġuni ewlenija tal-eżistenza tagħha hi li timplimenta l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Fil-prattika, dan ifisser li l-aġenzija taħdem maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex. Dan naghmluh billi noħolqu opportunitajiet reali għaż-żgħażagħ, nipprovdu spazju sigur, appoġġ u direzzjoni, u ngħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom – kemm fuq livell personali, soċjali kif ukoll professjonali.
L-iskemi u l-inizjattivi tal-Aġenzija huma mfassla biex joffru opportunitajiet differenti lil żgħażagħ differenti, f’fażijiet varji taż-żgħożija tagħhom. L-Aġenzija taħdem kemm ma’ żgħażagħ individwali kif ukoll ma’ għaqdiet taż-żgħażagħ.
Fuq livell individwali, nagħmlu enfasi fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-ħajja – bħal public speaking, teamwork u reżiljenza – biex iż-żgħażagħ jitgħallmuhom f’ambjent sigur u jużawhom tul ħajjithom kollha.
Minn hawn u ftit ġimgħat oħra jibda l-Programm tas-Sajf, il-‘Life Skills Lab’, u minn hawn inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-sit ta’ ‘Aġenzija Żgħażagħ’ u japplikaw għal liema programm li jinreressahom matul is-sajf. Il-programmi huma kollha bla ħlas.
Meta naħdmu ma’ għaqdiet taż-żgħażagħ, niffokaw aktar fuq il-bini tal-kapaċità u l-kwalità tax-xogħol tagħhom, inkluż permezz ta’ skemi finanzjarji u appoġġ strutturat.
Dan kollu għandu għan wieħed: li noħolqu ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ aktar kapaċi u ppreparati għall-ħajja adulta.
Xi rwol importanti tara li għandhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum? X’sostenn qiegħed jagħti l-Gvern f’dan ir-rigward?
Nemmen ħafna li l-investiment fiż-żgħażagħ huwa investiment fis-soċjetà kollha – kemm mill-aspett soċjali kif ukoll dak ekonomiku. Żgħażagħ attivi, b’ħiliet u valuri b’saħħithom, ifissru komunitajiet aktar reżiljenti u futur ekonomiku aktar sostenibbli.
Rigward is-sostenn tal-Gvern, l-Aġenzija Żgħażagħ hija eżempju ċar u konkret tal-impenn tal-Gvern lejn dan is-settur. Għal ħafna minna forsi sar normali li teżisti aġenzija ddedikata speċifikament għas-servizzi taż-żgħażagħ, iżda fir-realtà dan huwa lussu li mhux kull pajjiż għandu – anke pajjiżi ferm akbar minn Malta.
Barra minn hekk, il-Gvern jinvesti wkoll fil-professjonalizzazzjoni tal-ħidma maż-żgħażagħ. Malta hija fost il-ftit pajjiżi Ewropej fejn il-youth work hija rikonoxxuta formalment bħala professjoni, b’investiment dirett fit-taħriġ u l-iżvilupp ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ. Dan kollu juri impenn serju biex niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jingħataw l-aqwa appoġġ possibbli.
Kemm tara li hu essenzjali li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b’ħiliet għall-ħajja?
Iż-żgħożija idealment għandha tkun żmien fejn persuna takkwista l-ħiliet meħtieġa biex tidħol fil-ħajja adulta bl-inqas diffikultajiet possibbli. F’dan is-sens, nistgħu naraw iż-żogħżija bħala fażi ta’ esplorazzjoni u esperimentazzjoni, fejn iż-żgħażagħ jippruvaw affarijiet differenti u jitgħallmu minn dawn l-esperjenzi.
L-iktar ħaġa importanti hi li dan iseħħ f’ambjent sigur, fejn iż-żgħażagħ ikunu mdawrin b’nies li jistgħu joffrulhom gwida u sostenn meta jkollhom bżonnu. Hekk biss nistgħu niżguraw li dawn l-esperjenzi jwasslu għal żvilupp pożittiv u sostenibbli tul ħajjithom.
Ikollok tgħidilna xi esperjenza partikolari li tibqa’ tiftakar?
Esperjenzi kien hemm ħafna, iżda waħda li nibqa’ niftakar b’mod partikolari kienet fl-2017 meta Malta kellha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dak iż-żmien, l-Aġenzija kienet responsabbli mill-ħidma kollha relatata maż-żgħażagħ, u kienet esperjenza intensiva imma sodisfaċenti ħafna.
L-iktar mument li baqa’ miegħi kien meta, wara xogħol twil u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, intlaħaq qbil u r-riżoluzzjonijiet għaddew b’suċċess – verament ġurnata ta’ sodisfazzjon kbir.
Madankollu, fuq livell aktar personali, kull darba li tisma’ li xi żagħżugħ jew żagħżugħa rnexxielu jagħmel suċċess wara esperjenza mal-Aġenzija, ikun sodisfazzjon li ma jitqabbel ma’ xejn.
X’tixtieq tara aktar fost iż-żgħażagħ fis-soċjetà Maltija?
Nixtieq nara aktar żgħażagħ li jħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv u li jgħixu ż-żgħożija tagħhom b’mod sħiħ. Żgħożija li tintuża b’mod għaqli – fejn ma jibżgħux jippruvaw affarijiet ġodda, jesploraw opportunitajiet differenti u jitgħallmu minn kull esperjenza.
Fl-istess ħin, huwa importanti li ż-żgħażagħ iħossuhom komdi jfittxu l-għajnuna meta jkollhom bżonnha. Dan jagħmel parti minn żvilupp b’saħħtu – li tkun kuraġġuż biżżejjed biex tipprova, imma wkoll matur biżżejjed biex tirrikonoxxi meta għandek bżonn appoġġ.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, x’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja, fosthom iż-żgħażagħ?
Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi iżda importanti: emmnu fikom infuskom u fil-potenzjal tagħkom. Iż-żgħożija hija opportunità unika – użawha b’mod għaqli, esploraw, ippruvaw u tħallux il-biża’ żommkom lura.
Sibu postijiet siguri fejn tistgħu tippruvaw u anke kultant tagħmlu żbalji, għax huma parti mill-proċess tat-tagħlim, u fuq kollox tibżgħux titolbu l-għajnuna meta jkollkom bżonnha. Hemm ħafna nies u strutturi, bħall-Aġenzija Żgħażagħ, li qegħdin hemm biex jappoġġjawkom.
Fl-aħħar mill-aħħar, intom mhux biss il-futur tas-soċjetà, imma wkoll il-preżent tagħha – u l-kontribut tagħkom illum diġà jagħmel differenza. U aħna se nibqgħu hemm biex nissieħbu magħkom f’dan il-vjaġġ.

