– Mario Cutajar, President tal-Malta Biennale u Chairman ta’ Heritage Malta
Minn Cristian Muscat
cristianmuscat @gmail.com
Minn meta tnieda għall-ewwel darba fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Malta Biennale rnexxielu jqiegħed lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-arti kontemporanja.
Tul 11-il ġimgħa sħaħ, il-gżejjer Maltin inbidlu f’ċentru vibranti ta’ kultura, kreattività u skambju artistiku internazzjonali, b’aktar minn 130 artist minn madwar 100 pajjiż differenti jipparteċipaw f’dan il-proġett ambizzjuż.
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, it-tieni edizzjoni se tkun qed tintemm illum wara li ilha għaddejja sa mill-11 ta’ Marzu li għadda taħt id-direzzjoni artistika tal-kuratriċi internazzjonali magħrufa Rosa Martinez.
F’intervista esklussiva ma’ dan il-ġurnal, il-President tal-Malta Biennale u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, tkellem dwar il-viżjoni wara dan il-proġett, il-legat tiegħu u kif Malta rnexxielha tattira attenzjoni kulturali minn madwar id-dinja.
“Il-Malta Biennale huwa djalogu bejn l-istorja u l-attwalità,” qal Cutajar. “Għaliex ngħidu djalogu? Għax l-istorja turik li għandek titgħallem minnha biex tifhem aħjar dak li qed jiġri llum.”
Huwa spjega kif il-kunċett tal-Biennale huwa differenti minn ħafna pjattaformi artistiċi oħra fid-dinja. “L-arti kontemporanja qed titqiegħed ġewwa siti storiċi u mużewijiet, fejn l-artisti jieħdu ispirazzjoni mill-istorja tagħna, mhux biss dik lokali iżda wkoll dik internazzjonali u Mediterranja.”
Cutajar saħaq li wieħed mill-akbar suċċessi tal-Biennale kien proprju l-fatt li rnexxielu joħloq konnessjoni naturali bejn il-passat u l-preżent. Din it-taħlita bejn il-wirt kulturali u l-arti moderna kompliet tagħti identità unika lill-proġett.
“Madwar id-dinja hawn aktar minn 350 biennale differenti, iżda l-Malta Biennale rnexxielu jikseb il-patroċinju tal-UNESCO. Dan hu unur enormi u li fil-verita’ għandna biex niftaħru bih.”
Skont Cutajar, il-fatt li l-UNESCO tat il-patroċinju tagħha lill-Malta Biennale huwa sinjal ċar li l-kunċett tiegħu jaqbel mal-valuri kulturali u edukattivi li tħaddan l-istess organizzazzjoni internazzjonali.
“Il-kunċett tagħna huwa uniku. Mhux qed nikkompetu ma’ ħaddieħor, iżda qed noħolqu identità tagħna. Dan jgħin ukoll fil-marketing kulturali ta’ pajjiżna u jagħmel ġid lil Malta.”
Hu rrakkonta wkoll kif il-proġett ġibed interess qawwi minn artisti internazzjonali. “Meta ftaħna s-sejħa għall-applikazzjonijiet, kellna aktar minn 3,000 applikazzjoni minn artisti differenti madwar id-dinja. Dan ifisser li Malta qed tattira artisti u nies li nistgħu nsejħulhom kreattivi.”
L-ewwel edizzjoni rat il-parteċipazzjoni ta’ artisti minn għexieren ta’ pajjiżi differenti, filwaqt li ġew stabbiliti 25 padiljun internazzjonali li ppreżentaw xogħlijiet u temi differenti.
“Pajjiżna għandu attrazzjoni speċjali. L-artisti jiġu Malta mhux biss għall-opportunità artistika, iżda wkoll għall-istorja, għall-arkitettura u għall-ambjent kulturali li noffru.”
Waħda mill-aktar affarijiet li spikkaw kienet l-użu ta’ siti storiċi bħala spazji artistiċi. Fost dawn kien hemm Sant’Iermu, l-Armerija tal-Birgu u diversi siti oħra ta’ importanza storika.
“Dawn il-postijiet jagħtu esperjenza differenti lill-viżitaturi. Meta tara arti kontemporanja ġewwa sit storiku, tinħoloq emozzjoni u interpretazzjoni ġdida.”
Naturalment, il-qalba tal-Malta Biennale tibqa’ l-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta, li Cutajar jiddeskrivih bħala “id-dar tal-Biennale”.
“Il-MUŻA mhux biss ospita l-Biennale, iżda sar ukoll il-legat tiegħu. Biddilna l-esperjenza tal-wirjiet artistiċi ġewwa dan il-mużew.”
Huwa spjega kif ħafna diżinjaturi, artisti u viżitaturi apprezzaw il-mod innovattiv kif il-mużew ġie adattat għal din l-esperjenza internazzjonali.
“Il-Biennale ħalla effett fuq is-soċjetà Maltija. Rajna nies li forsi qatt ma kienu jersqu lejn arti kontemporanja, iżda li ġew interessati permezz ta’ dawn il-wirjiet.”
Matul l-aħħar ġimgħa tal-ewwel edizzjoni, qed jiġu organizzati diversi attivitajiet ta’ finissage sabiex tingħalaq din il-fażi importanti tal-proġett kulturali. Cutajar spjega li ċerti attivitajiet kellhom jiġu posposti minħabba l-elezzjoni, iżda issa qed jiġu organizzati b’mod iktar iffukat.
“Qed niddedikaw ġurnata sħiħa għall-attivitajiet finali. Għada wkoll il-President ta’ Malta l-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono se żżur il-MUŻA.”
Ħarsa importanti qed tingħata wkoll lejn il-legat fit-tul tal-Malta Biennale. Skont Cutajar, dan mhux proġett temporanju iżda pjattaforma li trid tkompli tikber.
“Il-MUŻA stess se jħabbar il-viżjoni tiegħu dwar il-legat dirett tal-Biennale. Irridu nibnu fuq il-bażi tajba li diġà ħloqna.”
Cutajar tkellem b’entużjażmu kbir dwar il-ħatra ta’ Rosa Martinez bħala direttur artistiku.
“Rosa Martinez hija waħda mill-aktar kuraturi rispettati fid-dinja tal-arti kontemporanja. Kien privileġġ enormi għalina li aċċettat li tmexxi din l-edizzjoni.”
Martinez għandha karriera internazzjonali impressjonanti ħafna. Fost oħrajn, kienet involuta fil-Biennale ta’ Venezja, Barċellona, São Paulo u Thessaloniki, u kienet ukoll l-ewwel mara li kkurat il-Biennale ta’ Venezja.
“Din tagħtina kredibilità kbira fuq livell internazzjonali. Meta nies bħalha jemmnu fil-proġett tagħna, ifisser li qegħdin fit-triq it-tajba.”
Fl-aħħar tal-intervista, Mario Cutajar tenna li l-Malta Biennale għandu jkun meqjus bħala investiment kulturali fit-tul għal Malta.
“Dan mhux biss avveniment artistiku. Huwa mezz kif nuru lid-dinja min aħna bħala pajjiż, x’wirt għandna u kif nistgħu nużawh biex noħolqu konversazzjoni moderna u relevanti.”
U filwaqt li l-ewwel u t-tieni edizzjoni kienu ta’ suċċess notevoli, jidher ċar li l-ambizzjoni wara l-Malta Biennale għadha biss fil-bidu tagħha.

