Friday, May 29, 2026

NIRRISPETTAW IL-JUM TAS-SILENZJU

Aqra wkoll

Illum hu l-ewwel jum ta’ silenzju. Proprju għada l-poplu tagħna se jkunu qed jivvota biex jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu.  Dan il-ġurnal kif għamel dejjem, se jibqa’ jkun rispettuż kif dejjem kien lejn il-Liġi ta’ pajjiżna u żamm is-silenzju tiegħu fl-aħħar sigħat fejn tidħol il-kampanja elettorali. 

F’era fejn it-teknoloġija tal-informatika qed tkompli tiżviluppa u tavvanza, qed issir dejjem aktar diffiċli illi jinżamm dan is-silenzju.  Nemmnu li ovvjament, min jikser din il-liġi tas-silenzju, hemm l-awtoritajiet tal-infurzar, li għandhom jaraw li din ma tinkisirx.

Nemmnu li wara dak li se jiġri għada, hekk kif il-Ħadd filgħodu nkunu nafu min se jkun qed imexxi lil pajjiżna għas-snin li ġejjin, hu importanti li pajjiżna jħares ‘l quddiem. Inħarsu lejn il-futur. Lejn il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Nemmnu li fuq kollox għandu jipprevali ir-rispett lejn xulxin.  Rispett li m’għandux ikun affettwat minn x’opinjoni politika għandu dak li jkun. Kuħadd għandu dritt ikollu l-opinjoni politika tiegħu. Kulħadd għandu dritt, li jivvota lil min jidhirlu hu.  

Ma rridux ninsew li hi x’inhi l-opinjoni politika tagħna, aħna lkoll ċittadini tal-istess pajjiż. Aħna ikoll irridu naħdmu u nikkontribwixxu biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem bit-tmexxija li tkun inħatret, hi liema partit hi.

Nemmnu li l-maturità għandha tipprevali u bħala poplu ningħaqdu u nħarsu ‘l quddiem. Inħarsu lejn l-interess nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport