Friday, November 15, 2024

“Irridu noffru lit-turisti esperjenza unika f’Malta” 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f’seminar organizzat mill-ACE dwar is-settur tal-catering

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Irridu nitilqu mill-mentalità li t-turisti jew iċ-ċittadini tagħna jmorru fir-ristoranti sempliċiment biex jieklu jew jixorbu, iżda rridu nipprovdulhom esperjenza unika li jiħduha magħhom id-dar.

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt li kien qed jitkellem f’seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) fil-Workers’ Memorial Building.

Huwa beda biex stqarr li dawk li jżuruna jagħtu prijorità, anke permezz tal-infiq tagħhom, biex jiksbu din l-esperjenza. Għalhekk, il-Ministru Bartolo tenna li huwa importanti li l-varjetà ta’ menus offruti fil-lukandi u r-ristoranti jibqgħu jkun aġġornati biex ikun żgurat li dak li noffru huwa tassew dak li l-klijent ikun qiegħed ifittex.

Fl-indirizz tiegħu lis-sidien ta’ ristoranti u stakeholders oħra involuti f’dan is-settur huwa qal: “nemmen li intom tirrappreżentaw element importanti għall-esperjenza turistika ta’ dawk li jżuruna. Il-maġġoranza tagħkom qegħdin taġġornaw u tinvestu fil-prodott tagħkom filwaqt li qegħdin tħarsu wkoll lejn l-isfidi li qed taffaċċjaw.”

Il-Ministru għat-Turiżmu tkellem ukoll dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-upskilling ta’ dawk li jaħdmu jew jixtiequ jidħlu f’din l-industrija. “Nemmnu li l-edukazzjoni hi l-akbar legat li nistgħu nħallu. Huwa dover tagħna li nżidu l-korsijiet li qed jiġu offruti anke permezz tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).”

Finalment, il-Ministru Bartolo saħaq li rridu niffokaw aktar fuq is-sostenibbiltà u l-kwalità biex dawk il-gżejjer ikomplu joffru esperjenza diversi u fl-istess ħin unika. “L-esperjenza gastronomika tibqa’ kruċjali biex nilħqu dawn l-objettivi.”

Ekonomija

Sport