Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol huwa sport ta’ passjoni. Ilni nsegwih minn etá żgħira u hu parti kbira minn ħajti. Kull fejn insiefer anke mhux relatat ma’ futbol nara dejjem kif se mmur nara xi stadium jew nixtri xi football kit anke ta’ xi belt li mhux daqshekk popolari. L-ahhar kit li rnexxieli nakkwista kien dak tat-tim li kien imexxi Gilbert Agius fl-Indoneżja, PSIS Semarang.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Zejtun Corinthians FC, fejn int tokkupa r-rwol ta’ team manager.
Ilni partitarju taż-Zejtun Corinthians minn mindu kont żgħir u bażikament rajt l-iżvilupp tal-klabb. Dejjem telgħin bilmod. Sentejn ilu ġejt msitieden biex nidħol fil- kumitat, u mis-sena l-oħra ġejt fdat bir-rwol ta’ team manager tat-tim tal-kbar. Daħħalt amministrazzjoni żagħżugħa mieghi u flimkien man-nies li kien hemm diġá qegħdin nimplimentaw xi ideat biex nimmodirenzzaw l-identitá tal-klabb u l- viżjoni ta’ kif iħares lejn l-isport. Qegħdin naħdmu bilgħaqal fuq proġett għall- komunitá u nemmen li għandna nies validi biżżejjed biex inwettqu dan.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Matul l-istaġun li għadda, tlaqna bl-idea li nġibu t-tfal taz Zejtun lura, u nġibu n- nies lura lejn il-grawnds. Fil-bidu kienet diffiċli minħabba sfidi finanzjarji li kellu l-klabb, imma bqajna niġbdu ħabel wieħed flimkien, bqajna magħqudin u rnexxilena nispiċċaw b’serje ta’ 16-il logħba mhux megħluba.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell bla dubju qiegħed jogħla. Nemmen li hawn ħafna plejers żgħażagħ li telgħin li għandhom potenzjal tajjeb ħafna. Nappella biss biex jibqgħu dedikati u li kultant anke jkunu lesti biex jagħmlu pass lura, biex fil-ħin opportun ikunu jistgħu jagħmlu żewġ passi ‘l quddiem.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ir-riżorsi dejjem hemm lok biex jitjiebu, biss dan jiddependi anke minn ħafna sitwazzjonijiet finanzjarji. Fil-preżent, nużaw ir-riżorsi li għandna u nieħdu pjaċir nilagħbu l-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Waħda mix-xewqiet li għandi għall-futur hi li nkompli naħdem fil-futbol forsi xi darba anke internazzjonali. Nemmen li il-futbol jiftaħ ħafna opportunitajiet sbieħ, tiltaqa’ ma’ ħafna nies differenti fejn dejjem titgħallem xi ħaġa mingħand kulħadd.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ li dejjem ngħaddi lin-nies tagħna hu li anke fil-maltemp trid tibqa’ magħqud flimkien, għax dejjem wara se ssib il-bnazzi. Lill-plejers ngħidilhom biex dejjem jibqgħu saqajhom mal-art u jirrispettaw dejjem lil dak il-klabb li jkunu bdew miegħu u tahom it-triq tal-futbol!