Monday, December 9, 2024

Is-saga tal-ħmieġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar tkompli…

L-eks Sindku Alfred Grima jagħti torti l-indixxipplina ta’ bosta persuni u nuqqas serju ta’ infurzar ta’ liġijiet ambjentali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-problema tal-ħmieġ mormi bl-addoċċ fit-toroq tal-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra mhux talli ma ġietx solvuta, talli tidher li qiegħda, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tiggrava. Ir-rimi irresponsabbli qiegħed isir minn xi residenti b’attitudni li għalihom il-liġi, l-ordni u r-rispett ma jeżistux. Dan qiegħed iwassal għal inkonvenjent lil kull min ikun miexi fit-toroq, jagħti dehra tal-waħx lil-lokalità, kif ukoll huwa ta’ periklu ta’ mard hekk kif l-infestazzjoni tal-ġrieden issa saret evidenti ħafna.

Għal diversi drabi dan il-ġurnal ġibed l-attenzjoni dwar din is-sitwazzjoni bla kontroll ta’ ħmieġ f’dawn iż-żoni. Imma, is-saga tal-ħmieġ hawn qiegħda tkompli. Ir-rimi ta’ skart ivarja fost l-oħrajn minn boroż ta’ kull kulur li jinħarġu mhux fil-ġranet u l-ħinijiet allokati, ħwejjeġ, żraben, apparat domestiku, saqqijiet, għamara u ħġieġ.

Biss biss infakkru li f’ġurnata sħuna lejn l-aħħar tas-sajf kien hemm sitwazzjoni ta’ riħa insapportabbli fi Triq it-Turisti fejn kien hemm xi ħadd li rama basket mimli ħut li sakemm inġabar, ikkawża riħa tinten ħafna u dubbien. F’dan il-każ ir-residenti kienu stqarrew magħna li ma setgħux jgħaddu mill-bankina fejn interma’ dan il-ħut kawża tat-taqligħ tal-istonku li bdew isofru minnu. Dan huwa eżempju mill-ħafna sitwazzjonijiet ta’ ħmieġ li jseħħu f’dan l-inħawi suppost turistiċi.

‘Jistennina wkoll sibna ġurdien il-ġmiel tiegħu mejjet fit-triq’

Fir-rigward kellimna l-eks Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u Minority Leader, Alfred Grima li min-naħa tiegħu jirriżulta li baqa’ jirċievi ilmenti u ritratti minn residenti frustrati bil-ħmieġ fit-toroq tagħhom. Residenti lmentaw miegħu li xi skart, anke jekk goff u allura faċilment wieħed jarah u għaldaqstant jista’ jindirizzah, jitħalla fil-post għal xahar sħiħ. Waħda mit-toroq milqut hija Triq Sponoz f’Bugibba fejn ittieħdu ritratti li qegħdin nippubblikaw nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2024. Dan ir-residenti ġibed l-attenzjoni li, ‘jistennina wkoll sibna ġurdien il-ġmiel tiegħu mejjet it-triq’. Grupp ta’ residenti li tkellmu ma’ Grima lmentaw li ‘għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jimputahom biss mit-toroq prinċipali u x-xatt tal-Qawra. Il-bqija ma tarax kennies jiknes’ fejn sostnew ukoll li ma raw ebda avvanz bil-kunsill elettt il-ġdid iżda pjuttost il-lokalità ‘marret għall-agħar’.

Grima beda biex qalilna li, “nista’ naqa’ għat-tentazzjoni li dwar każijiet simili nipponta subgħajja direttament lejn it-tmexxija tal-Kunsill preżenti kif kien isir sa ftit xhur ilu fil-konfront tiegħi. Biss, is-serjetà tiddettali li nagħmel mod ieħor. Il-pjaga tal-iskart maħruġ b’mod illegali f’pajjiżna ma bdietx illum imma snin kbar ilu. Hemm diversi fatturi li jaħtu għal dan in-nuqqas serju. Fost l-ewlenin hemm l-indixxipplina ta’ bosta persuni, li minkejja li l-pajjiż joffri diversi servizzi adegwati u bla ħlas, xorta ssib min jiġi jaqa’ u jqum u jiddeċiedi li jnitten fejn ifettillu. Hemm ukoll nuqqas serju ta’ infurzar ta’ liġijiet ambjentali.”

“Kunsill li jidher li qed jitmexxa mill-Facebook” … Xogħol programmat jaqa’ lura għas-skapitu ta’ ftit likes

Dan il-Minority Leader spjega li, “in-nuqqas da parti tal-Kunsill joħroġ mill-fatt li llum jidher li l-Kunsill qiegħed jitmexxa prattikament mill-Facebook u mhux bi pjan kif kien isir qabel. Fejn il-ħaddiema tal-Kunsill u/jew il-kuntratturi qegħdin jiġu ordnati jitilqu x-xogħol li jkunu jagħmlu u jagħtu prijorià l-ilmenti li dehru fuq sites privati fuq Facebook. B’mod ovvju, ix-xogħol programmat jaqa’ lura għas-skapitu ta’ ftit likes. Dawn l-ilmenti tar-residenti juru l-kobor tal-problema”.

Grima elabora li riżultat ta’ dan kollu qiegħed iwassal ukoll biex l-ispiża fuq is-servizz ta’ bulky “splodiet għal €4,378 u €4,392 rispettivament għal ewwel xagħrejn ta’ Kunsill ġdid ikkomparat ma’ €2,984 ħlassijiet fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti”.

Huwa qal li l-Kunsill preżenti ddeċieda li fi żmien li ġej jerġa’ jintroduċi r-reċipjenti għal iskart reċikabbli f’diversi postijiet. “Dwar dan ippermettili jekk jogħġbok li nirrimarka li l-Kunsill injora proposta li jiena ressaqtlu biex qabel ir-reċipjenti tar-reċiklaġġ jitpoġġew madwar il-lokalità jiġi żgurat li l-ERA, li fuqa taqa’ r-responsabilità tal-infurzar ta’ liġijiet ambjentali, taċċerta li tiġi imponuta b’mod konkret klawsola li torbot lill-kuntrattur magħżul biex ibattal ir-reċipjenti tar-reċiklaġġ, immaterjalment jekk dawn ikunux kontaminati jew le u li l-akkwati tal-madwar jinżammu kontinwament nodfa. Altrimenti, l-esperjenza wrietna li nistennew li jerġgħu jinbtu miżbliet ġodda madwar il-lokalità. J’Alla, ma jkunx il-każ,” insista Grima.

Proposta faċilità fejn wieħed jista’ jiddisponi mill-iskart…

Huwa fakkar kif bħala pjan fit-tul il-Kunsill immexxi minnu kien għamel studju preliminari mħejji mill-perit tal-Kunsill u nieda laqgħat ma’ diversi entitajiet biex jinstab appoġġ ħalli parti mis-sit ta’ bejn il-grawnd tal-futbol fil-Qawra fi Triq il-Wileġ u Triq Kennedy Drive tiġi trasformata bħala faċilità Drive Through Recycling Point taħt il-livell tat-triq.

“B’hekk persuna tkun tista’ tiddisponi mill-iskart li tkun iġġenerat b’mod organiżżat, ordnat u bl-inqas impatt ambjentali. Nemmen li l-Kunsill elett ġdid għandu jkompli jimbotta dan il-proġett innovattiv ‘il quddiem fl-interess lokali u dak ġenerali,” temm Alfred Grima. 

Dan il-ġurnal wassal l-ilmenti dwar il-ħmieġ fil-lokalità lis-Sindku l-ġdid Nazzjonalista, Ċensu Galea, però sakemm wasalna għall-pubblikazzjoni bqajna bla risposta.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport