Monday, December 9, 2024

€400 multa għax waddab iċ-ċwievet lil raġel u weġġgħu ħafif

Aqra wkoll

Raġel ta’ 75 sena residenti n-Nadur Għawdex ġie kkundannat multa wara li nstab ħati li weġġa’ raġel ieħor hekk kif waddablu sett ta’ ċwievet.

Hu nstab ħati mill-Maġistrat Jean Paul Grech li fl-2023 waqt li kien qiegħed ir-Rabat Għawdex, insulenta, hedded raġel u weġġgħu ħafif. Hu kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li l-pulizija kienu rċivew rapport mingħand il-vittma li kien għadu kemm ġie aggredit u anke medded mill-akkużat. Il-vittma kien qal lill-pulizija li kien mar fil-garaxx tal-akkużat għax kellu bżonn ikellem lit-tifel tal-istess akkużat.

Mal-Pulizija, il-vittma qal li x’ħin beda jsejjaħ lit-tifel, ħareġ l-akkużat u beda jinsulentah. Skont il-Prosekuzzjoni, il-vittma kien qallhom li biex ma tikbirx l-affari kien beda ħiereġ ‘il barra bil-mod, iżda l-akkużat kien tefa’ sett ċwievet li kellu f’idu u laqtu.Qal li telaq u mar iċ-ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

L-akkużat ammetta mill-ewwel mal-pulizija li kien tefa’ sett ċwievet lill-vittma.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-vittma kien konsistenti kemm waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-pulizija u anke waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti. Ġie nnutat ukoll li l-akkużat għajru ħalliel u qallu kliem fis-sens li kien se jpattijielu.

Il-vittma qal ukoll li l-akkużat beda jfittex oġġett biex imur għalih bih.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ma hemm dubju li ċ-ċwievet jistgħu jiġu klassifikati bħala xi arma regolari jew strument li jaqta. Għalhekk il-Qorti qalet piena ta’ ħabs mhux addattata u għalhekk ġie kkundannat €400.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport