Wednesday, July 24, 2024

“Is-Saħħa f’idejkom – pajjiż magħqud li jagħti s-Saħħa lill-Maltin” – Il-PM

Aqra wkoll

“Ebda sfida mhi ikbar minn familja magħquda u bl-istess mod ebda sfida mhi ikbar minn pajjiż magħqud.” Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività mill-isbaħ li għalqet il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej. F’diskors b’saħħtu u ħiereġ mill-qalb, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bl-istess prinċipju ta’ għaqda, imexxi l-pajjiż biex jagħti s-Saħħa lill-Maltin.

Fost l-entużjażmu tan-nies, il-Mexxej Laburista qal li l-Partit Laburista mexxa kampanja b’ottimiżmu dwar pajjiżna. Saħaq li nhar is-Sibt il-poplu hu mistoqsi biex jerġa’ jiddeċiedi fuq il-futur tal-pajjiż.

“Favur uliedkom, favur il-familji tagħkom”, qal il-Prim Ministru. Qal li s-Sibt li ġej il-poplu hu mistieden biex jerġa’ jġedded il-fiduċja tiegħu. Saħaq li l-għażla hi jew favur l-ispirtu ta’ Team Malta jew favur l-establishment biex jibda t-triq lura lejn il-poter. “Kull vot li jibqa’ d-dar, l-establishment se jgħid li huwa rebħa għalih.

Rebħa għall-establishment tkun tfisser lura għall-arroganza. L-arroganza ta’ min iweġġa lil ta’ madwaru, aħseb u ara lil min ma jaqbilx miegħu”, qal il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela. Innota li rebħa għall-Partit Laburista tfisser rebħa għall-Maltin u fiduċja mġedda fil-Partit Laburista, inwieġbu għaliha b’aktar umiltà.

Il-Prim Ministru spjega kif waqt żminijiet ta’ sfida bħall-pandemija, il-poplu sab Gvern ta’ tarka għalih u llum il-pajjiż mhux talli rkupra iżda qed ikompli jesperjenza tkabbir ekonomiku b’saħħtu li jfisser ġid. Qal li l-pajjiż qed jibqa’ joħloq karrieri ta’ kwalità.

Dr Abela nnota kisbiet soċjali mill-aktar b’saħħithom li ġab Gvern Laburista fosthom żidiet fil-pensjonijiet, appoġġ lill-familji, aktar spazji miftuħa, drittijiet ċivili aqwa. “Dawn bis-saħħa tagħkom” aċċenna l-Prim Ministru meta kien qed jindirizza lin-nies fl-MFCC f’Ta’ Qali. Qal li fil-Budget li ġej se jerġa’ jkollna aktar kisbiet u miżuri favur in-nies fosthom aktar żidiet u għotjiet favur il-familji u l-middle-class.

Il-Prim Ministru appella biex is-Sibt in-nies imorru jivvutaw kmieni u appella biex inkomplu nikkonvinċu u nisimgħu lil min għadu indeċiż. Qal li l-ebda survey ma jgħodd u kull elezzjoni tibda xejn b’xejn. Innota kif fejn kien hemm nuqqasijiet, wettaqna bidliet. “Fejn ħassejt li stajna għamilna aħjar, urejt li jisgħobbija, u li lest li naħdem aktar biex inkunu aħjar. Mhux illum, lejliet il-vot”, qal Dr Abela.

Qal li l-poplu għandu għażla favur Malta dejjem. Innota li meta jkun Kunsill Ewropew, fil-qalba tad-deċiżjonijiet li jolqtu lil pajjiżna, ikollu quddiemu l-poplu Malti u jwassal il-pożizzjoni b’saħħitha ta’ pajjiż bħal favur l-għajnuna fuq l-enerġija u l-attenzjoni partikolari li jixraqilha Malta.

Huwa f’dan il-kuntest li l-poplu għandu s-saħħa f’idejh u jrid jagħmel għażla bejn l-għajnuna u l-awsterità li jrid iġib ħaddieħor, bejn l-għaqda u l-firda li jrid ħaddieħor, bejn il-progress u l-populiżmu ta’ ħaddieħor u bejn il-bidla u l-istaġnar li magħruf għalih ħaddieħor.

Għalhekk nhar is-Sibt vot b’saħħtu għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali. “Malta Flimkien li baqalna niksbu aktar”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’għeluq b’saħħtu ta’ diskors li wassal messaġġ favur is-Saħħa lill-Maltin.

Ekonomija

Sport