Thursday, October 16, 2025

Is-saħħa hija dritt fundamentali u prijorità politika – il-Ministru Jo Etienne Abela jindirizza l-konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa

Aqra wkoll

Fi Strażburgu, waqt il-ftuħ tal-Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela saħaq li s-saħħa hija dritt fundamentali u prijorità politika. Huwa enfasizza fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-familji u l-komunitajiet biex tinbena reżiljenza permezz ta’ prevenzjoni, promozzjoni tas-saħħa, immunizzazzjoni u għajnuna soċjali.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar l-importanza li jipproteġu lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, b’referenza għal studju tal-WHO li juri sfidi ta’ saħħa mentali fost il-professjonisti u hawn semma l-ħidma li qed titwettaq minn pajjiżna. Semma wkoll li Malta qed timplimenta qafas ġdid ta’ prevenzjoni għall-mard mhux trażmess, b’regolamentazzjoni aktar b’saħħitha, edukazzjoni u screening bikri.

Dr Abela saħaq fuq l-ekwità, governanza u regolamentazzjoni robusta tal-prodotti mediċi, u l-bżonn ta’ kooperazzjoni Ewropea, speċjalment għal swieq żgħar. Huwa tkellem ukoll fuq l-importanza tal-litteriżmu diġitali tas-saħħa li huwa essenzjali għas-saħħa pubblika. Dan hekk kif diżinformazzjoni dwar il-vaċċini, il-mediċini u l-benesseri tista’ tnaqqas il-fiduċja u twassal għal imġiba li tista’ tkun ta’ ħsara. Il-Ministru Abela appella għal kooperazzjoni internazzjonali u impenji kontinwi biex tiġi protetta s-saħħa ta’ kulħadd.

Matul laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, il-Ministru Abela ddiskuta modi kif il-Kunsill jista’ jgħin lill-pajjiżi, speċjalment dawk żgħar bħal Malta, biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-aċċess għal mediċini bi prezzijiet raġonevoli, bħala dritt fundamentali għas-saħħa.

Il-Ministru Abela kellu żjara wkoll fil-kwartieri tad-Direttorat Ewropew għall-Kwalità tal-Mediċini u l-Kura tas-Saħħa fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (EDQM) li hija awtorità speċjalizzata fil-kwalità tal-mediċini fis-suq Ewropew, kif ukoll aspetti ta’ servizzi tas-saħħa bħal banek tad-demm u tessuti u trapjanti. Dr Abela rringrazzja lid-diriġenti tad-Direttorat għax-xogħol indispensabbli u stqarr li jħares ’il quddiem għal aktar kooperazzjoni relatati ma’ proġetti li se jkunu varati f’Malta fix-xhur li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport