Saturday, December 21, 2024

IS-SAĦĦA LILL-ĦADDIEM… IMMA MHUX MAL-MEJDA BISS

Aqra wkoll

Fil-ġimgħa li fiha ċċelebrajna jum il-ħaddiem kont nkun qed nonqos jekk ma nitfax dawl fuq sitwazzjonijiet xejn feliċi li bosta ħaddiema f’pajjiżna għadhom isaqqfu wiċċhom magħhom sal-ġurnata tal-lum. Qed nirreferi għad-diskrimazzjoni legali bejn ħaddiema li ma jitħallsux l-istess waqt li jagħmlu l-istess xogħol.

Xogħol ta valur ugwali…

Fil-prinċipju jaqbel kulħadd. 

Ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol għandhom ikollhom id-dritt li jirċievu l-istess ħlas. 

Fil-verità la l-ħaddiem u lanqas min iħaddmu ma jrid li jkollu żewġ persuni li jaħdmu mejda ma’ mejda ma xulxin u jagħmlu l-istess xogħol b’kundizzjonijiet differenti. 

Apparti il-fatt li dan huwa ksur tal-liġi, dan dejjem jispiċċa jwassal għal disgwit intern fuq il-post tax-xogħol u demotivazzjoni bejn il-ħaddiema li tispiċċa itellef mhux ftit il-kwalità tax-xogħol.

…Għandu jħallas l-istess paga 

Għalhekk il-liġi tax-xogħol f’pajjiżna tisħaq li ħaddiema li jagħmlu xogħol tal-istess valur għandhom jitħallsu l-i-istess. 

Madwar il-mejda kulħadd jaqbel.

Il-problema hija meta niġu għall-prattika. 

Minkejja l-liġijiet kollha, f’pajjiżna, illum għad għandha ħaddiema li jitħallsu differenti għall-istess xogħol. Dan iseħħ fis-settur privat imma sfortunatament għadek tara każijiet bħal dawn anke fis-settur pubbliku. 

Qed naċċettaw ħaddiema tat-tieni klassi

Bl-Ingliż ngħiduha aħjar… the devil is in the detail.

Ħafna minn dawn il-każijiet huma relatati mal-fatt li f’bosta postijiet tax-xogħol illum wieħed issib ħaddiema ‘tal-post’ u ħaddiema hekk imsejħa ‘tal-kuntrattur’. 

B’hekk teknikament għalkemm dawn il-ħaddiema jaħdmu fl-istess fabbrika jew uffiċju, u jagħmlu l-istess xogħol, fil-verità huma impjegati ta żewġ kumpaniji differenti. Ħaddiem minnhom jaħdem mal-kumpanija, u l-ieħor huwa impjegat mal-kuntrattur.

B’hekk għandha sitwazzjoni fejn il-liġi ma tittratax lil dawn iż-żewġ ħaddiema bl-istess mod. Minkejja li it-tnejn jagħmlu l-istess xogħol, għall-benefiċċju ta l-istess kumpanija, il-liġi kif inhi tippermetti li ma jitħallsux l-istess salarju għax ma jaħdmux mal-istess employer.

Effettivament qed noħolqu żewġ klassijiet ta’ ħaddiema. Dawk tal-‘kuntrattur’ saru ħaddiema tat-tieni klassi li jistgħu jiġu impjegati b’kundizzjonijiet anqas vantaġġużi minkejja li jagħmlu l-istess xogħol ta’ sħabhom.

Anke l-kundizzjonijiet iridu jkunu ndaqs

Għandha sitwazzjonijiet oħrajn, anke fis-settur pubbliku, fejn il-ħaddiema tal-kuntrattur mhux biss ma jitħallsux l-istess salarju imma dawn lanqas ma huma jgawdu mill-istess kundizzjonijiet ta’ sħabhom li jagħmlu l-istess xogħol.

Filwaqt li sar ħafna progress f’dan il-qasam, anke billi llum l-ħaddiema kollha tal-kuntrattur qegħdin jitħallsu doppja tal-Ħdud bħal sħabhom, għad hemm x’isir.

Jiddispjaċik meta tisma’ li ħaddiema tal-kuntrattur ma jingħatawx pereżempju aċċess għal faċilitajiet ta’ parkeġġ jew aċċess għall-istess opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ overtime. Saħansitra smajt b’każijiet ta’ ħaddiema li ma jingħatawx affarijiet żgħar li jagħmlu id-differenza fil-motivazzjoni ta’ dak li jkun bħal pereżempju meals sussidjati mill-canteens tax-xogħol li jingħataw lill-ħaddiema tal-post imma mhux lil tal-kuntrattur.

Issa ċ-ċans li nbiddlu l-affarijiet 

Illum li għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta pajjiżna. Ġejjin quddiemna xhur ta xogħol qawwi f’ħafna mis-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna. Issa huwa il-mument li nbiddlu l-liġijiet li hemm bżonn għall-ġid tal-ħaddiema tagħna u iva, anke ta’ min iħaddimhom.

Għax bi drittijiet aktar ġusti ma jgawdix biss il-ħaddiem. Igawdi wkoll min b’xogħol aħjar tal-ħaddiema u b’anqas ħaddiema li jridu jitilquh għax ma jkunux trattati sew, se jimxi aktar ’il quddiem. 

Ftit bidliet jistgħu jagħmlu d-differenza għal ħafna

Hemm bżonn li ssir diskussjoni mal-imsieħba soċjali biex il-liġi tax-xogħol tiġi emendata biex ir-responsabbiltà għal ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur tiġi estiża fuq il-kumpanija li tkun qed tibbenefika minn dak ix-xogħol. 

B’hekk jirnexxielna nżommu il-flessibilità sabiex jiġu mpjegati ħaddiema tal-kuntrattur mingħajr ma dawn il-ħaddiema jibqgħu jiġu trattati differenti minn sħabhom li jkunu tal-post. 

Hemm bżonn ukoll li l-liġi tiġi estiża biex tkopri mhux biss is-salarju iżda wkoll numru ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol biex verament nkunu ċerti li ma jkollniex aktar ħaddiema tat-tieni klassi.

Ekonomija

Sport