Saturday, December 21, 2024

Is-Saħħa mentali: Fuq nett fl-aġenda tal-Gvern

Aqra wkoll

Kien ta’ sodisfazzjon għalija l-Ħadd li għadd nara lill-Prim Ministru Robert Abela jtella’ fuq quddiem nett fl-aġenda tiegħu, is-saħħa mentali tal-poplu tagħna.

Sa minn kif bdejt il-kampanja tiegħi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-ewwel stqarrejt li t-tema tas-saħħa mentali se tkun waħda ewlenija fil-ħidma tiegħi. Rajt kif l-Unjoni Ewropea, u partikolarment il-Kummissjoni Ewropea, stħarrġet kif il-pandemija li għadna kif ħriġna minnha, ġabet magħha żieda qawwija ta’ kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali fuq miljuni ta’ ċittadini Ewropej.

Stħarriġ li sar mal-Ewropa kollha, inkluż Malta, wera li n-numru ta’ każijiet li kienu jeħtieġu kura għal problemi ta’ saħħa mentali żdiedu sostanzjalment wara l-pandemija u dan kien għal diversi fatturi fosthom il-miljuni ta’ nies li tilfu xogħolhom, miljuni oħra li waqgħu fil-faxxa tal-faqar minħabba li f’daqqa waħda naqsilhom drastikament id-dħul tagħhom, u miljuni oħra li ma setgħux ilaħħqu ma’ prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali li splodew anke wara li ntemmet il-pandemija u b’riżultat tan-nuqqas ta’ provisti minħabba l-gwerra tal-Ukranja.

Kien f’waqtu d-diskors tal-Prim Ministru fejn saħaq fuq l-importanza li fil-parti l-kbir tal-każijiet ta’ saħħa mentali, ma jkunx hemm għalfejn li tingħata kura fi sptarijiet imma jkun biżżejjed li fil-kommunitajiet stess li ngħixu fihom insibu l-kura adekwata ta’ professjonisti f’dan il-qasam li jagħtu l-appoġġ meħtieġ lil dawk li jkollhom bżonn din l-għajnuna.

Huwa mportanti li dawk li jkollhom bżonn il-kura fl-isptarijiet tagħna minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, din isibu u tkun ta’ l-aqwa livell. Huwa għalhekk importanti wkoll li jkollna ir-riżorsi umani ta’ professjonisti mħarrġa f’dan il-qasam biex ħadd ma jkun fi żvantaġġ li ma jsibx din il-kura meta tkun meħtieġa.

Min-naħa l-oħra jien inkompli nisħaq li hemm bżonn li bħalha pajjiż nkomplu naraw x’qed ikun ipprovdut bħala servizz ta’ kura għas-saħħa mentali f’pajjiżi oħra li huma aktar avvanzati minnha f’dan il-qasam biex naraw x’nistgħu nitgħallmu minn għandhom. Irridu wkoll bħala pajjiż naraw kif kif se naċċessaw mill-miljuni kbar ta’ Ewro ta’ fondi li l-Kummissjoni Ewropea għamlet għad-diżpozizzjoni ta’ gvernijiet li jieħdu inizjattivi biex jagħtu l-aqwa servizzi ta’ kura għas-saħħa mentali għaċ-ċittadini tagħhom.

F’din il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se nkomplu nagħti l-kontribut tiegħi biex nara li dan li saħaq dwaru l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu tal-Ħadd li għadda narawh iseħħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Poplu b’servizzi mill-aqwa għas-saħħa mentali jkun tassew poplu b’saħħtu.

Ekonomija

Sport