Friday, November 15, 2024

IS-SAĦĦA MENTALI GĦANDHA TIBQA’ PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Suġġett li fl-aħħar jiem reġa’ kien taħt il-lenti u qam diskussjoni dwaru kien is-saħħa mentali. Suġġett delikat ħafna li għal ħafna żmien ma kienx qed jingħata l-importanza li kien jistħoqqlu.

Din il-problema, li rajnieha terfa’ rasha wkoll waqt il-pandemija tal-Covid-19, ma tagħraf wiċċ ħadd u tista’ tolqot lil kulħadd f’ħin bla waqt bil-konsegwenzi xi drabi jistgħu jkunu serji ħafna. 

Jidher li din il-problema tas-saħħa mentali issa ħafna saru konxji tagħha u qed tingħata prijorità fost aspetti oħra li jolqtu direttament il-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Il-Gvern huwa konxju ta’ dan u qed jieħu b’serjetà kbira din il-problema. Tant hu hekk li fl-2019 nieda strateġija dwar is-saħħa mentali li għandha l-għan li tagħti servizz, taħriġ u anke appoġġ kemm lill-pazjenti u l-qraba tagħhom iżda wkoll lill-ħaddiema fi ħdan is-settur. 

Parti mill-proċess tal-fejqan ta’ individwi milquta minn din il-problema hi li dawn ma jibqgħux fl-Isptar Monte Carmeli wara li jirċievu l-kura iżda jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom fis-soċjetà.

B’sodisfazzjon ninnotaw kif id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne riċentament inawgura binja rinovata biswit l-istess sptar li se tilqa’ fiha 14-il pazjent. Din il-binja se sservi ta’ lok fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jgħixu b’mod normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza tal-istaff professjonali bil-għan li ma jinqatgħux mill-komunità li kienu mdorrijin jgħixu fiha.

Nemmnu li investimenti bħal dawn jgħinu biex dawn l-individwi jkollhom iżjed dinjità, titneħħa l-istigma minn fuqhom u b’hekk jgħixu ħajjithom b’mod iktar trankwill.

Minn dawn il-kolonni nixtiequ nfaħħru l-inizjattivi li qed jiitieħdu kemm mill-Gvern u anke minn NGOs biex jiżdied aktar l-għarfien dwar is-saħħa mentali billi professjonisti fil-qasam qed jużaw pjattaformi diversi, fosthom diskussjonijiet fil-komunità, mal-kunsilli lokali u mal-pulizija minbarra li jieħdu sehem fi programmi fuq il-midja tradizzjonali u soċjali.

Konvinti li l-problema tas-saħħa mentali se tibqa’ prijorità u nittamaw li b’dawn l-inizjattivi pożittivi kollha li qed jittieħdu, din il-problema tas-saħħa mentali jekk ma tkunx eliminata għalkollox, tiġi mtaffija.

Ekonomija

Sport