Sunday, November 24, 2024

Is-saħħa mentali, il-proprjetà affordabbli u l-banek f’Malta…

Diskussi fil-laqgħa mal-kandidata għall-elezzjoni tal-PE Marija Sara Vella Gafa fil-GWU

Aqra wkoll

Fi żjara li għamlet il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafa fil-General Workers’ Union, ġew diskussi diversi temi prinċipali f’pajjiżna, speċjalment dawk relatati mal-ħaddiema f’Malta, fosthom is-saħħa mentali u n-nuqqas ta’ għarfien dwarha, il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni finanzjarja, il-proprjetà affordabbli u l-banek f’Malta.

Hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar is-saħħa mentali speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol, Marija Sara Vella Gafa rringrazzjat lil din it-trejd unjin li minbarra li toffri servizz ta’ għajnuna għall-problemi ta’ saħħa mentali lill-ħaddiema tagħha, tippromwovi s-saħħa mentali fuq kull post tax-xogħol, fosthom anke meta tiġi biex tinnegozja ftehim kollettiv.

“Illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha huwa essenzjali li jkun hemm persuna ntiża fuq dan is-suġġett tant delikat, li wieħed jista’ jirrikorri għandha meta jħoss il-bżonn,” qalet Vella Gafa.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li din it-trejd unjin tant taħdem għall-ġid tal-ħaddiema ħolistikament li ħasbet li toffri servizz ta’ terapija għas-saħħa mentali lill-ħaddiema tagħha nfushom, hekk kif dawn huma l-ewwel nies li ta’ kuljum jaffaċċjaw diversi sitwazzjonijiet u problemi ta’ ħaddiema membri.

Kif ukoll sar taħriġ lis-segretarji tat-taqsimet, bħala mental health first aiders, biex  jgħinhom jagħrfu ċerti sinjali partikolari fuq is-saħħa mentali. Hekk biss inkunu nistgħu ngħinu kemm lill-maniġment kif ukoll lill-ħaddiema li nirrappreżentaw.

Rigward l-edukazzjoni finanzarja, ġiet diskussa l-ħtieġa li minn ta’ età żgħira, l-istudenti jkunu mgħarrfa u mgħallma aktar edukazzjoni finanzjarja biex jagħrfu kif għandhom jutilizzaw u jqassmu l-flus bl-aħjar mod possibbli. Hawnhekk issemmiet l-iskema volontarja dwar il-Private Pension Plan, li filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jipprovdi l-pensjoni, wieħed irid jaħseb li jibda jwarrab xi flus minn meta jidħol fid-dinja tax-xogħol, biex ma jkollux differenza kbira fid-dħul finanzjarja meta jsir pensjonant.

Hawnhekk ġiet diskussa wkoll l-aċċessibilità  Għall-banek u servizzi finanzjarji fl-irħula u lokalitajiet tagħna speċjalment għall-anzjani.  

Is-Segretarju Ġenerali semma’ l-problemi li kienu qed  jaffaċċjaw il-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi biex jiftħu kont f’xi wieħed mill-banek f’Malta biex tkun tista’ tidħlilhom il-paga tagħhom.

Rigward is-sitwazzjoni dwar il-proprjetà affordabbli, Marija Sara Vella Gafa stqarret li hi tħoss u tisma’ minn nies dwar il-ħtieġa ta’ aktar proprjetà affordabbli f’pajjiżna hekk kif hawn problema.

Filwaqt li tara li hawn nuqqas ta’ għarfien dwar il-bini sostenibbli u bżonn ta’ aktar servizzi ta’ għajnuna għal min jeħtieġ, fosthom semmiet il-persuni bl-awtiżmu.

Is-Segretarju Ġenerali qal li bħalissa l-GWU tinsab f’diskussjonijiet mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli dwar il-ħidma ta’ din il-Fondazzjoni  soċjali li għandha l-għan li tgħin lir-residenti f’Malta li jixtiequ jsiru sidien ta’ djarhom jew jikru bi prezzijiet raġonevoli.

Iddiskutew ukoll l-edukazzjoni fl-iskejjel fosthom il-viżjoni li jerġgħu jinfetħu l-iskola tas-snajja’, ir-remote working, ir-right to disconnect u l-ħaddiema barranin f’pajjiżna fost oħrajn.

Sport