Tuesday, December 24, 2024

Is-saħħa mentali tal-edukaturi u l-istudenti hija kruċjali wkoll

Kenneth Vella

Aqra wkoll

L-edukazzjoni tat-tfal qiegħed tkun affettwata anki mil-livell ta’ saħħa mentali tal-għalliema tagħhom. Dan ħareġ ċar minn riċerka ġdida li saret dan l-aħħar fl-Ingilterra mill-Universita’ Leeds Beckett ma’ 775 għalliem. Minn dawn, 77% qalu li diffikultajiet ta’ saħħa mentali kkawżati minn problemi ta’ kuljum li jiffaċċjaw l-għalliema qiegħed ikunu ta’ detriment fuq l-istudenti. Ħafna persuni nġenerali għadhom tal-fehma li x-xogħol tal-edukatur hu xi wieħed rilassanti u m’humiex konxji tal-istress li dan joħloq fuqhom. 

L-istudju, li sar b’kollaborazzjoni wkoll mas-sit Teachwire.net, eżamina r-relazzjoni li teżisti bejn is-saħħa mentali tal-għalliema u l-kapaċita’ tagħhom li jgħallmu b’mod effettiv u jkollhom relazzjoni pożittiva mal-istudenti tagħhom. 94% tal-parteċipanti fl-istudju kkonfermaw li l-livell tal-enerġija tagħhom jonqos sostanzjalment meta jkunu għaddejjin minn diffikultajiet mentali u 90% sostnew li t-tagħlim tagħhom ikun anqas kreattivi matul dan il-perjodu diffiċli. 

Huma żiedu jgħidu li dawn id-diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali ħafna drabi jkunu r-riżultat ta’ xogħol ulterjuri u esaġerat u awditjar u monitoraġġ tax-xogħol tagħhom b’mod kontinwu.  Il-Professur Jonathan Glazzard, li jaħdem fiċ-ċentru rinnomat internazzjonalment, Carngie School of Education fi ħdan l-Universita’ Leeds Beckett tenna li l-professjoni tal-għalliem hija waħda fantastika, li tgħin biex tibdel u tittrasforma l-ħajja taċ-ċittadini ta’ għada. 

Jikteb Kenneth Vella

“Importanti li dawn l-isfidi jiġu ndirizzati ħalli niggarantixxu li jibqa jkollna biżżejjed għalliema fil-futur. Irridu li aktar żgħażagħ ikomplu jsiru għalliema.” Glizzard żied jgħid ukoll li fl-istess ħin tajjeb li l-għalliema preżenti u futuri nagħmluhom konxji tal-isfidi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom. Ir-riżultat tal-istudju huwa ċar, u wasal iż-żmien li l-gvern u t-tmexxija tal-iskejjel janalizzaw ix-xogħol tal-għalliema. 

Fl-aħħar snin l-Universita’ Leeds Beckett feħet iċ-ċentru innovattiv Carnegie Centre of Excellence for Mental Health fl-iskejjel, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ingilterra. Dan iċ-ċentru joffri taħriġ fis-saħħa mentali ta’ livell għoli ħafna kemm lill-istudenti għalliema u anki l-għalliema kwalifikati. 

Il-Professur Glizzard ikkummenta li dawn il-korsijiet jindirizzaw ix-xogħol tal-għalliema, l-istress u s-saħħa mentali tagħhom. Dan għax l-Universita’ temmen bi sħiħ fil-professjoni tal-għalliema u konxja tal-pressjoni li jgħaddu minnha kuljum. L-istudju wera wkoll li 81% tal-edukaturi kkonfermaw li diffikultajiet li jkollhom fis-saħħa mentali tagħhom qed iħallu impatt negattiv fuq il-kwalita’ tar-relazzjoni li jkollha mal-istudenti.  L-istess persentaġġ wera li meta l-għalliema jkunu affettwati minn problemi ta’ saħħa mentali tiġi affettwata wkoll l-imġieba tagħhom mat-tfal, fosthom ikollhom anqas tolleranza mal-istudenti, jiffukaw aktar fuq l-aspetti negattivi u jirrabjaw aktar malajr. 

Mis-775 għalliem li ġew intervistati, 54% semmew li kellhom saħħa mentali fqira, bi 52% anki jikkonfermaw li l-mard tagħhom ġie ċċertifikat minn tabib. Mir-riċerka ħareġ ċar li l-għalliema fl-Ingilterra jemmnu li s-saħħa mentali tagħhom taffettwa sew ukoll ir-relazzjoni tagħhom ma’ qrabathom, l-istudenti u l-kollegi. Anki l-ammont ta’ lezzjonijiet jaffettwa s-saħħa mentali tal-edukaturi. Glizzard ma naqasx milli jsemmi wkoll kemm huwa essenzjali li l-għalliema jkunu fdati aktar mill-awtoritajiet, li jiġu dejjem meqjusa bħala professjonali. “Meta l-edukatur ikun kuntent, jagħti dejjem lezzjonijiet motivanti u ta’ kwalita’ u dan iwassal ukoll għal riżultati aħjar,” sostna Glizzard. 

Edukaturi fi skejjel li jippromwovu s-saħħa mentali

Attwalment fl-Ingilterra hemm aktar enfasi dwar l-importanza li l-għalliema u l-istudenti jkunu f’saħħithom mentalment. L-Universita’ ta’ Leeds Beckett ħolqot korsijiet apposta għal dan il-għan b’dawk l-għalliema li jiggradwaw ikunu eventwalment jaħdmu fid-diversi istituzzjonijiet edukattivi u jippromwovu s-saħħa mentali tagħhom, ta’ sħabhom u tal-istudenti. Dan b’diversi attivitajiet u deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell ta’ skola. 

J’Alla li f’Malta l-awtoritajiet edukattivi ikunu wkoll aktar flessibbli u jibdew jappoġġjaw ukoll lil dawk l-iskejjel li jimxu fuq l-istess pass. Dan ifisser li ma nibqgħux daqshekk riġidi fi rwoli u d-dmirijiet tal-edukaturi tagħna, nibdew naċċettaw rwoli ġodda u naċċettaw il-punt li s-saħħa mentali hija kruċjali jekk irridu li jkollna ambjent san fl-iskejjel tagħna u l-istudenti jimxu aktar il-quddiem. 

Kors ewlieni internazzjonali offrut Malta wkoll

Mis-Sajf li għadda l-kors ewlieni offrut mill-Universita’ ta’ Leeds Beckett f’dan il-qasam, qiegħed jiġi offrut lill-edukaturi Maltin ukoll. Dan il-kors Masters Specialist in School Mental Health huwa rikonoxxut mill-Awtorita’ Għall-Edukazzjoni Għola (MFHEA) u jaqa’ wkoll taħt l-iskema Get Qualified.  Min hu interessat li jkollu aktar informazzjoni jista anki jibgħatli email fuq [email protected]

Konferenza x-xahar id-dieħel

Konferenza dwar is-saħħa mentali ta’ uliedna se ssir ukoll il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru fl-Istitut Kattoliku l-Floriana. Il-kelliema ewlenija se tkun l-Estronjana Dr Kadri Haljas, li għandha esperjenza vasta fil-qasam tas-saħħa mentali u li speċjalizzat fl-Universita ta’ Helsinki. Se tagħmel intervent ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li tant għandha għal qalbha dan il-qasam. Għal aktar informazzjoni wieħed jista jibgħat email lis-Sinjura Giselle Gatt fuq [email protected]

Ekonomija

Sport