Friday, December 27, 2024

IS-SAĦĦA MENTALI U L-VIŻJONI TA’ PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Il-pandemija tal-Covid-19 minkejja li ġabet magħha sfidi u anke tbatijiet, b’danakollu poġġiet diversi temi fuq l-aġenda ewlenija fosthom is-sitwazzjoni tas-saħħa mentali f’pajjiżna u l-bżonn li din tingħata prijorità fuq aspetti oħra li jolqtu direttament il-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Dan għandu jkun rifless fil-fatt li huwa stmat li wieħed minn kull erbgħa tal-Maltin, xi darba jew oħra ffaċċjaw problemi relatati mas-saħħa mentali. Tant hu hekk, illi l-problema ma tagħraf wiċċ ħadd u tista’ tolqot lil kulħadd ħin bla waqt bil-konsegwenza li xi drabi jistgħu jkunu serji ħafna. 

Jidher li din il-problema se tittieħed iktar b’serjetà tant li fil-manifest elettorali tagħhom, iż-żewġ partiti qed jgħidu kif inhuma lesti jindirizzaw din il-problema b’diversi modi fosthom l-attività fiżika u l-isports. 

Ta’ sodisfazzjon nirrimarkaw il-parteċipazzjoni ta’ eks Deputat u eks uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista jieħdu sehem f’konferenza mtella’ mill-Partit Laburista dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna. Dan juri li din il-problema ma tagħraf wiċċ ħadd la politikament u lanqas kull xorta oħra ta’ differenza bejn l-individwi.

Ninnutaw ukoll li beda jinbena l-isptar psikjatriku ġdid biswit Mater Dei u nittamaw li dan ikun mgħammar bl-aktar teknoloġija moderna flimkien ma’ ambjent terapewtiku aħjar għall-pazjenti u l-familjari tagħhom, fl-istess waqt li se tgħin biex titneħħa l-istigma assoċjata mal-isptar Monte Carmeli u tiġi faċilitata l-koperazzjoni bejn iż-żewġ sptarijiet. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, nittamaw li din is-sena joħorġu wkoll ir-riżultati dwar studju li qed tagħmel is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika biex ikun mistħarreġ l-impatt li l-qafas soċjali għandu fuq is-saħħa mentali tan-nies u b’hekk dawn jiġu indirizzati.

Hemm bżonn li s-sistema edukatttiva tkun imħarrġa biżżejjed biex tagħraf ikunx hemm problemi ta’ saħħa mentali fost it-tfal ħalli din il-problema tiġi indirizzata minn kmieni u b’hekk jiġu evitati problemi serji aktar ma jgħaddi ż-żmien.

Ma’ dan, irid ikun hemm professjonisti mediċi mħarrġa u aġġornati sewwa biex mhux biss ikunu integrati fis-servizzi offruti imma wkoll ikunu f’qagħda li jagħrfu kif jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ problemi ta’ saħħa mentali. 

Konvinti li aktar ma jkun hemm għarfien, inqas se jkunu d-diffikultajiet fil-kura tas-saħħa mentali. 

Ekonomija

Sport