Ħabib li mgħobbi wkoll bis-snin, qalli: Jien ma nafx għaliex dan l-għaġeb bis-sħanat li saru jagħmlu. Is-sajf Malti dejjem hekk niftakru. Meta kont tifel u nieħdu x-xarabank sal-Belt konna naslu għasra bl-għaraq u l-istess meta nerġgħu lura d-dar. Fix-xemx kont timxi biss għax ma tistax tagħmel mod ieħor. Kull fejn tmiss fil-miftuħ kien jikwi matul Lulju u Awwissu kollu. Dil-biċċa li l-klima qed tisħon wisq mhi xejn ħlief ħrafa.
Ħabib ieħor li ilu li kien teenager tkellem mod ieħor: Is-sħana li tagħmel fostna f’dawn iż-żminijiet teqirdek wisq. Fi żmienna ma kienx hekk, sħana kienet tagħmel iva, imma stajt tissaportiha anke jekk kont issir butir bil-għaraq u l-ħedla. Tal-lum le. Toqtlok. Għandhom raġun dawk li jwissuna li hemm bżonn xi ħaġa qawwija biex it-tisħin tal-klima jitwaqqaf. Inkella se nispiċċaw immutu moqlija.
Mitt bniedem, mitt fehma, jew forsi aħjar, mitt tifkira…
PASSAPORTI
Għalkemm qatt ma kont favur l-iskema għall-għoti ta’ ċittadinanza lil min iġib somom ta’ flus lejn il-pajjiż, lanqas ma għoġobni l-mod kif l-iskema kellha titneħħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġudizzju li tat dwar kemm l-iskema Maltija kienet kompatibbli mal-liġi Ewropea applikat doża politika sostanzjali, barra milli tmellħet mill-prinċipju tas-sovranità.
Fil-proċess kollu baqgħet tinħass ukoll is-soltu ipokresija Ewropea. Dak li jintqal bi kritika għal pajjiż, jiġi injorat għal pajjiżi oħra. Dwar abbużi fl-għoti tal-passaporti minn membri stati tal-UE, per eżempju. Spanja għandha programm biex min jista’ jipprova li hu dixxendenti tal-familji Ebrej li tkeċċew minn Spanja fil-bidu tar-Rinaxximent, jingħata ċ-ċittadinanza Spanjola. F’Iżrael, teżisti industrija żgħira ta’ professjonisti li għal miżata tajba, jafu kif isibulek li int ġej minn xi familja tturufnata mijiet ta’ snin ilu minn Spanja.
SWIEQ KAPITALI
Mhux l-ewwel darba li semmejtha hawn. L-unjoni tas-swieq kapitali Ewropej (fejn jinħarġu u jinbiegħu l-ishma f’kumpaniji Ewropej u oħrajn) baqgħet taqa’ lura. Kellha tkun element kruċjali fit-twettiq ta’ sistema Ewropea fejn il-fondi privati tal-investiment u tat-tfaddil isiru aktar flessibbli u adatti biex flus li jistgħu jintużaw għall-investimenti produttivi jsibu żbokk faċli u effettivi.
Il-proġett baqa’ jaqa’ lura. Ir-raġuni dejjem kienet li l-pajjiżi membri, mill-akbar nett sal-iċken, ma ridux jaċċettaw li jibdlu l-modi qodma li bihom fuq bażi nazzjonali, mexxew is-swieq nazzjonali tagħhom. Meta jiġu biex jagħmlu l-iċken pass serju lejn it-twettiq tal-unjoni tas-swieq kapitali, l-istati membri jittitubaw. Sentejn ilu l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-qasam qaltli: Biex jittieħdu l-passi meħtieġa, trid tqum kriżi oħra bħal dik tal-ewro fis-snin 2008-2012. Kellha raġun.