Saturday, December 21, 2024

IS-SALTNA TAD-DRITT

Aqra wkoll

Ma tantx issemma l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. Is-soltu jsir kjass dwaru u l-kritika li jkollu dwar it-tmexxija f’Malta.

Ir-rapport jittratta l-mod kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni josservaw il-valuri tad-demokrazija Ewropea dwar libertajiet ċivili u politiċi. Issa bdew jiddaħħlu sanzjonijiet għall-pajjiżi li jitqiesu li qed jiċħduhom. Dis-sena, ir-rapport kellu kliem iebes biss għall-każi tal-Ungerija u tas-Slovakkja għalkemm jagħmel hekk ukoll b’lingwaġġ tat-tajjar. Ma setax ikun mod ieħor f’sena li matulha ġew organizzati l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u warajhom l-għażla tal-Kummissjoni Ewropea bil-presidenza tagħha.

Madankollu, reġa’ ġie konfermat li l-ġudizzji dwar min qed josserva u min jikser il-prinċipji tas-saltna tad-dritt jinħmew fi proċess politiku. Qatt ma emmint li dil-ħaġa għandha ssir b’dal-mod. Nimmaġina li s-sena d-dieħla, il-kundanni jerġgħu jirrankaw.

Sadattant, f’Malta, il-ġeremijadi f’dal-qasam kellhom ibattu xi ftit.

KOTBA

Il-qari ta’ kotba u gazzetti f’Malta, speċjalment bil-Malti, jinsab fi kriżi akuta. Tant naqas li jkollok temmen li daqt jisparixxi. Smajna dan l-aħħar dwar l-ilmenti tal-publikaturi. Għandhom raġun iħossuhom mhedda.

Imma l-kriżi tmur ħafna aktar fil-fond mill-problemi finanzjarji tagħhom. Tolqot il-ħsus tal-identità Maltija li dwarha nisimgħu ħafna diskors. L-ilsien Malti kif mitkellem, kif użat fil-ħajja ta’ kuljum miċ-ċittadini u b’mod kreattiv, kif moqri u miktub, jikkostitwixxi element essenzjali tal-identità nazzjonali. Qed imut fuq iz-zokk.

Il-problema tikkonċerna firxa wiesgħa tal-ħajja nazzjonali: l-edukazzjoni, il-kultura, il-wirt nazzjonali, il-publikazzjoni, il-kura tal-lingwa Maltija, l-ambjent letterarju u artistiku, il-mezzi tax-xandir u tal-ġurnaliżmu.

Napprezza li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jagħmel mill-aħjar biex jilqa’ għall-kriżi.

Waħdu ma jistax jasal. Hemm bżonn ta’ ħidma kordinata mal-oqsma involuti u mwettqa f’perspettiva tat-tul, azzjoni li ma tibqax spezzettata bejn aġenziji mbarrati fil-qasam tagħhom.

MEHDI B’PAJJIŻU?

Ma naħsibx li nbdilna tant miż-żmien meta diplomatiċi barranin stazzjonati f’Malta kienu jgħiduli kif il-poplu Malti hu wisq mehdi b’dak li jiġri f’pajjiżu u ftit li xejn isegwi jew interessat f’xi jkun qed jiġri barra.

Tweġiba naturali għal dal-kumment hi li dil-ħaġa tiġri fl-istati kollha, mill-Istati Uniti sal-Vatikan. Biss imbagħad biex inkun onest, nara li hu minnu li fil-maġġoranza tiegħu, il-poplu tagħna jinteressa ruħu f’li jiġri barra minn xtutna biss sakemm iħoss li dan se jaffettwana. Mill-bqija…

Wieħed seta’ jaħseb li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, dil-bixra se tinbidel xi ftit. Wara kollox fi Brussell qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw bil-kbir u mill-qrib is-sitwazzjoni Maltija. Mhux hekk: pereżempju, bosta Maltin, anke fost professjonisti mlaħħqa, jinfixlu meta jiġu biex jagħrfu kif jiġu ssettjati l-karigi fl-Unjoni.

Ekonomija

Sport