Tuesday, December 24, 2024

“Is-sejħa għall-volontarjat tiġini naturali” – Angelique Lofaro

Rebbieħa tal-Malta National Volunteer Award 2021

Aqra wkoll

YouTube video

Angelique Lofaro hija r-rebbieħa tal-Malta National Volunteer Award għal din is-sena 2021. Kien il-Kunsill Malti għas-settur tal-volontarjat li ħabbar dan f’avveniment li sar riċentement u li fih ġiet ikkomemorata l-ġurnata dinjija tal-volontarjat fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti. 

Bla dubju li kien unur mistħoqq għal Angelique li tant għandha għal qalbha l-volontarjat u li taħdem bla heda favur il-protezzjoni tal-ambjent naturali u fl-istess waqt anke għal diversi ħlejjaq li l-gżejjer Maltin huma tant miżgħuda bihom. 

L-unur ġie ppreżentat lil Angelique mill-Eċċellenza tiegħu l-President ta’ Malta Dr George Vella.

Dan is-sit ħad l-okkażjoni sabiex jieħu xi kummenti mingħand Angelique, mara b’karattru tad-deheb, umli u fuq kollox lesta biex dejjem tagħti dik id-daqqa t’id mingħajr ma tistenna xi ħaġa lura.

Hi bdiet billi tgħidilna li ma kinitx qed tistenna dan l-unur meta tqis li hemm ħafna aktar voluntiera li jaħdmu bla heda fil-gżejjer Maltin.

“Ninsab verament sorpriża li ngħatajt dan l-unur. Hu veru li bħala Nature Trust nagħmlu ħafna xogħol li ma tantx ikun jidher għalkemm irrid ngħid li hemm tim magħqud li jaħdem qatigħ sabiex naraw li l-ambjent naturali u l-ħlejjaq li jdawruh ikunu protetti u jekk ikun hemm xi periklu fejn jgħixu, nippruvaw inneħħulhom kull tip ta’ theddida għal ħajjithom.”

In-Nature Trust hi waħda mill-ikbar organizzazzjonijiet mhux governattivi li jeżistu f’Malta. Bħala NGO huma jieħdu ħsieb diversi setturi fosthom dak edukattiv fejn hemm inizjattivi ferm interessanti fosthom l-EkoSkola u l-Green Flag. Għandhom wkoll diversi żoni protetti u naturali fosthom is-siti ta’ Natura 2000, il-Magħluq u Wied Qlejgha magħruf bħala Chadwick Lakes.

Il-ħidma tista’ tgħid li ma tieqaf qatt hekk kif xogħolhom jinvolvi ukoll li jipproteġu u jsalvaw ħlejjaq bħal qniefed, fkieren tal-baħar, ballottri u żrinġijiet. Dawn huma xi ftit mill-ħlejjaq li aħna l-bnedmin xi kultant ma tantx nagħtu kashom u li iżda mingħajrhom l-ambjent ma jkunx jista’ jiffunzjona kif suppost. Ix-xogħol hu wieħed varjat fejn fost l-oħrajn ikun hemm annimali feruti u li jkunu jridu jiġu kkurati filwaqt li meta jkun hemm xi bejta tal-fkieren, huma jagħmlu minn kollox biex jipproteġuhom sakemm eventwalment ifaqqsu l-bajd.

Riċentement kien hemm inċident żvinturat fejn qanfud inqabad f’nassa li tpoġġiet illegalment. Hu spiċċa nqabad f’ħabel u bħalma jiġri meta l-annimal jibda jippanikkja, iktar jispiċċa marbut u ftit ikun jista’ jiċċaqlaq. Dan il-qanfud ġie salvat mill-membri tan-Nature Trust għalkemm b’xorti ħażina spiċċa tilef parti minn idu li kellha tiġi amputata.

Semmejna l-fkieren. Bħalma nafu dawn ibidu l-bajd tagħhom f’ramla partikolari u jħalluhom hemm sakemm ifaqqsu l-frieħ. Normalment dan kollu jsir bejn Mejju u Awwissu, meta t-temp ikun sajfi. Angelique tgħid li dan hu żmien affaxxinanti speċjalment meta l-voluntiera jmorru jgħassu din il-bejta u jipproteġuha minn kull periklu.

“Is-sena l-oħra kienet waħda intensiva għalina bħala Nature Trust minħabba li kellna seba’ bejtiet madwar il-gżejjer Maltin. Hu hawn fejn tibda ħidma sabiex iż-żona fejn tkun biedet il-fekruna tiġi salvagwardjata u naraw li jasal ir-riżultat aħħari meta tara l-fkieren iż-żgħar ħerġin, xi ħaġa li nista’ ngħidlek hi verament sabiħa.”

Minkejja kollox, il-fekruna bħal donnha qed tnaqqas li tbejjet il-bajd tagħha minħabba diversi ċirkostanzi li qed tiltaqa’ magħhom fosthom in-numru kbir ta’ dgħajjes li qed ikun hawn fis-sajf, il-folol fil-bajjiet u ħafna storbju.

“Biex il-fekruna tbid, irid ikollha l-kwiet għax hi trid tara li meta tagħmel dan ikun il-post adattat għaliha. Anke elementi ta’ dawl artifiċjali li ġieli jkun hemm f’ċerti dgħajjes jaf itellifha.”

Angelique issostni kemm il-fekruna hi importanti għall-ibħra Maltin għax din tiekol il-bram li kulħadd jaf kemm xi kultant ikunu magħna fix-xhur tas-sajf.

B’xorti ħażina, il-plastik qed ikollu impatt xejn sabiħ fuq il-ħlejjaq tal-baħar minħabba li qed ikun theddida għall-eżistenza tagħhom. Biċċiet minnhom imur ma’ jdejhom jew saqajhom apparti li hemm ukoll xi xlief li jixħtu s-sajjieda u li kapaċi jeħel ma’ ħalqhom jew parti oħra ta’ ġisimhom. 

Dan il-periklu hu wkoll evidenti għall-qanfud hekk kif fuq l-art hemm ukoll ħafna perikli fosthom makkinarju li jintuża fil-biedja. Ġieli dan l-annimal joqgħod mal-ħitan sabiex jipproteġi ruħu mill-elementi tat-temp u ġieli jiġri li meta dan il-makkinarju jintuża’, il-bidwi jew dak li jużah ma jindunax li hemm il-qanfud u jkun hawn li għalih tkun tfisser sentenza ta’ mewt.

“Mhux l-ewwel darba li sibna qniefed rashom maqtugħa jew inkella parti minn ġisimhom li tinqata’ barra minn dan il-makkinarju. Aħna nħeġġu lil dawn in-nies sabiex jiċċekkjaw sew madwarhom u jaraw jekk hemmx wieħed minn dawn il-ħlejjaq tant prezzjużi.”

Xi kultant issib nies li jibżgħu minn ħlejjaq oħra naturali bħall-friefet il-lej jew is-sriep. Angelique tgħid li dan mhux il-każ minħabba li l-ewwelnett is-sriep li għandna f’Malta mhux velenużi u apparti minn hekk dan jiekol il-ġrieden u għalhekk qed jagħti kontribut kbir mingħajr ma jaf.

Bosta nies bdew jirrelataw il-friefet il-lejl mal-pandemija tal-Covid-19 peress li fiċ-Ċina hemm min qal li oriġina proprju minnhom. Anke hawn Angelique tgħid li mhux il-każ partikolarment l-ispeċi li għandna f’Malta li spiċċaw sofrew intortament. Wieħed irid jiftakar li dawn il-ħlejjaq li semmejna huma dak li bl-Ingliż ngħidulu natural pest control minħabba li huma jieklu insetti li ħadd ma jkun iridhom maġenbu.

Iżda Angelique kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol proprju tagħha u mal-volontarjat?

“Trid tkun minnek! Hu faċli li fis-sajf toqgħod taħt l-arja kkundizzjonata u fix-xitwa mgeddsa taħt il-kutri jew ħdejn xi heater. Madankollu s-sejħa għall-volontarjat hi ferm aktar qawwija għalija, tiġini naturali. Jien ngħid għalija nsib ħafna sodisfazzjon meta nara li qed nagħti kontribut għall-preservazzjoni ta’ ċerti speċi u anke sabiex nissalvagwardja l-ambjent tipiku Malti. Nirringrazzja ‘l Bambin, ħin dejjem insib”.

YouTube video

Madankollu jidher li l-volontarjat qed jonqos b’mod drammatiku għax illum kulħadd irid jitħallas ta’ dak li jagħmel. Angelique tgħid li hu veru li llum ħafna qed iħarsu b’mod egoistiku x’se jieħdu lura milli x’se jagħtu għalkemm temmen li din ġejja wkoll mill-ġenituri. Fil-fatt jekk l-ulied jaraw lil ommhom jew missierhom jagħtu ftit mill-ħin tagħhom għal ħaddieħor, awtomatikament huma se jagħmlu bħalhom.

Angelique tagħlaq b’messaġġ sempliċi. “Kull persuna għandu l-potenzjal li jagħti l-kontribut tiegħu u dak il-ftit li jagħti jkun jiswa ħafna.”

Ekonomija

Sport