Thursday, March 28, 2024

Partita ta’ ħbiberija U18 – Il-Maltin isofru telfa kbira

Aqra wkoll

Fit-tieni partita ta’ ħbiberija għat-team nazzjonali Malti ta’ Taħt it-18-il sena, Malta sofriet telfa kbira ta’ 7-1, bl-Irlandiżi jieħdu ċ-ċansijiet kollha tagħhom  u ħallew lill-Maltin b’xi lezzjonijiet x’jitgħallmu.

Iżda kien hemm ukoll xi punti pożittivi hekk kif iż-żgħażagħ tagħna, għall-kuntrarju tal-ewwel partita ta’ ħbiberija ta’ jumejn ilu, ħolqu ħafna opportunitajiet ta’ goals bil-biċċa l-kbira tal-players juru maturità fl-azzjonijiet tagħhom.

L-ewwel taqsima kienet mimlija azzjonijiet, b’ħafna football intelliġenti miż-żewġ naħat.

Il-Maltin fetħu b’mod aggressiv u waslet l-ewwel opportunità Maltija fit-tmien minuta, meta d-daqqa ta’ ras tal-captain Jake Micallef għad­diet ċentimetri minn fuq il-lasti wara azzjoni ta’ corner. Sa dak il-punt, l-Irlandiżi lanqas resqu viċin il-kaxxa Maltija iżda mbagħad huma fetħu l-iskor żewġ minuti wara, minn Mark O’Mahoney. Fit-13-il minuta, Michael Leddy, żmarkat għal kollox bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka minn free-kick ta’ Oisin Gallagher.

Fil-25 minuta, Malta ngħataw penalty hekk kif il-goalkeeper Irlandiż Noah Jauny waqqa’ lil Brooklyn Borg fil-kaxxa. Il-goalkeeper Irlandiż ġie sostitwit wara li weġġa’ f’din l-azzjoni. Micallef żamm il-kalma u għeleb lill-goalkeeper sostitut Conor Walsh bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Ftit wara n-nofs siegħa logħob, l- Irlandiżi skorjaw it-tielet goal, għal darb’oħra minn O’Mahoney, li mill-viċin għeleb lil Buttigieg wara pass perfett ta’ David Toure.

Fit-38 minuta, Nathan Cross seta’ kabbar il-vantaġġ għat-team tiegħu iżda  x-xutt tiegħu spiċċa għoli. Erba’ minuti wara, wara attakk ieħor Malti, Azzopardi bir-ras kellu t-tentattiv tiegħu jintemm fuq il-mimduda wara cross ta’ Matteo Gambin. Eżatt qabel il-mistrieħ, Brooklyn Borg falla ċans tajjeb mill-viċin wara li rċieva mingħand Shaisen Attard.

 L-Irlanda żiedu żewġ goals oħra wara l-mistrieħ. Fis-47 minuta, huma ingħataw penalty wara hands fil-kaxxa ta’ Malta. Mill-11-il metru, O’Mahoney ma żbaljax b’xutt b’saħħtu li ntemm fis-saqaf tax-xibka. Sitt minuti wara, l-Irlandiżi skor­jaw il-ħames goal meta Jed Hakiki żmarkat għal kollox bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fit-73 minuta, il-Maltin kellhom goal imħassar għal offside permezz ta’ xutt mill-isbaħ ta’ Brooklyn Borg.

Żewġ minuti wara, is-sostitut Tom Lonergan skorja s-sitt goal wara li rċieva l-ballun f’nofs ground, filwaqt li erba’ minuti qabel it-tisfira finali, il-captain Alex Murphy issiġilla r-rebħa bir-ras.

 Din il-partita temmet l-impenji internazzjonali għal Malta fl-2021. Malta se tilgħab diversi logħbiet oħra ta’ ħbiberija matul is-sena d-dieħla, biex tkompli tipprepara għall-Kampjonati tal-UEFA 2023 ta’ Taħt id-19-il sena f’Malta.

Malta: Adam Buttigieg, Ivin Farrugia, Miguel Azzopardi, Jake Micallef, Matteo Gambin (Mattias Ellul 67), Luca Gatt (Jake Grech 67), Lucas Caruana (Andrew Borg 54), Brooklyn Borg, Shaisen Attard (Jamie Scerri 54), Sebastian Azzopardi (Zack Barbara 46), Nathan Cross (Andrew Apap-Bologna 83) – Coach: Alessandro Zinnari

Irlanda: Noah Jauny (Conor Walsh 26), David Toure (Sam Curtis 67), Ben Curtis, Alex Murphy, Cathal Heffernan, Oisin Gallagher (Jamie Mullins 52), James McManus (Justin Ferizaj 67), Jad Hakiki, John Ryan, Michael Leddy (Dara McGuinness 67), Mark O’Mahoney (Tom Lonergan 52) – Coach: Colin O’Brien

Referee: Ezekiel Barbara

Ekonomija

Sport