Wednesday, April 24, 2024

Joan Laporta jitkellem dwar il-kollass ta’ Barcelona

Aqra wkoll

Il-president ta’ Barcelona, Joan Laporta, ta l-ħsibijiet tiegħu wara l-eliminazzjoni bikrija tal-club tiegħu miċ-Champions League.

Barca kellhom bżonn jegħlbu lil Bayern Munich barra minn darhom nhar l-Erbgħa fil­għaxija, iżda għat-tieni darba dan l- istaġun, ġew megħluba bl-iskor komdu ta’ 3-0.

Kienet wirja fqira mill-players ta’ Xavi Hernandez, li sfaw eliminati miċ-Cham­pions League fil-fażi tal-gruppi għall-ew­wel darba f’21 sena.

Issa għaddew fl-Europa League, u hija eliminazzjoni għalja għal Barca, li kienu għamlu baġit biex jaslu sal-kwarti-finali taċ-Champions League, kif jagħmlu kull staġun.

Wara l-logħba, il-president ta’ Barca, Laporta, tkellem dwar ir-riżultat diżappun­tanti, u qal: “Aħna diżappuntati għar-riżultat, iżda rridu nkomplu għaddejjin.

“Huwa mument biex taħdem u tipprova treġġa’ lura s-sitwazzjoni.

“Ma stajniex ninżlu fid-dressing room biex nappoġġjaw lill-players. Se nitkellmu fuq l-ajruplan mat-team tekniku.

“Għamilna dak li stajna nagħmlu u issa rridu nippruvaw negħlbu din is-sitwazzjoni.”

Barca se jiskopru d-destin tagħhom fl-Europa League nhar it-Tnejn meta jsir it-tlugħ tal-poloz tar-round tal-Aħħar 32.

Sa dakinhar, huma se jkunu sfurzati jikkonfrontaw l-aħħar diżappunt tagħhom, għalkemm se jkunu jistgħu jerġgħu lura fit-triq it-tajba meta fi tmiem il-ġimgħa jiltaqgħu kontra Osasuna f’La Liga.

Sadanittant, Thomas Muller, li fetaħ l-iskor fir-rebħa tal-Bavarjani, ta spjegazzjoni sempliċi għat-telfa ta’ Barca.

Skond Muller in-nuqqasijiet ta’ Barca huma li “ma jistgħux ilaħħqu mal-intensità. Teknikament u tattikament, għandhom kollox, iżda fl-ogħla livell, ma jistgħux jaqblu mal-intensità tal-logħba.”

Din hija opinjoni interessanti, li Barca jridu jinnotaw.

Minkejja dan, Xavi Hernandez diġà se jkun jaf x’għandu nieqes it-team tiegħu, u għandu ħafna xogħol x’jagħmel qabel ma t-team ikun fil-livell ta’ Bayern.

Sport