It-team nazzjonali Malti tan-nisa żgur li mhux se jinsa qatt is-sena 2023 meta fil-kompetizzjoni inawgurali tal-UEFA Nations League 2024 spiċċa fil-quċċata ta’ League C Grupp 1 biex b’hekk kiseb il-promozzjoni għal League B.
Bla dubju ta’ xejn il-coach Taljana, Manuela Tesse, kienet ferm kburija tax-xogħol li għamlet fl-ewwel sena tagħha mat-team li fl-aħħar mill-aħħar radd il-frott mixtieq tant li t-team, li għandu bosta players li jilagħbu f’kampjonati barranin, kellu s-sodisfazzjon li jikseb il-promozzjoni meta miegħu kien hemm ukoll il-Latvja, Andorra u l-Moldova.
Il-Maltin urew superjoritá f’dik li hija statistika meta baqa’ bla megħlub fis-sitt logħbiet li lagħab li minnhom rebaħ ħamsa, u ġie draw fl-oħra waqt li f’dawk li huma goals sab ix-xibka 13-il darba u sofra wieħed biss.
U ladarba qed insemmu l-goals ma jistax jonqos li ma nsemmux lill-attakkanta prolifika, Haley Bugeja, li dan l-istaġun qed tilgħab ma’ Inter fl-Italja, li mit-13 li ġew skorjati mit-team Malti hija sabet ix-xibka tmien darbiet, wieħed inqas minn Sharon Beck ta’ Iżrael li skorjat disgħa u spiċċat fil-quċċata tal-iskorers tal-kwalifiki.
It-team ta’ warajhom, il-Latvja, spiċċa b’sitt punti inqas waqt li kemm Andorra kif ukoll il-Moldova baqgħu lura meta kisbu total miżeru ta’ punti, erbgħa u tlieta rispettivament.
Fl-ewwel logħba li saret fit-22 ta’ Settembru, il-Maltin ħarġu rebbieħa 1-0 kontra l-Latvja meta kienu qed jilagħbu barra minn darhom bil-goal importanti jasal tard fit-83 minuta minn Bugeja wara corner ta’ Leah Alice Ayres.
Hawnhekk l-Maltin kellhom total ta’ seba’ tentattivi lejn il-lasti u l-Latvja 12 waqt li f’dawk li huma corners dawn spiċċaw favur Malta, 7-4.
Fis-26 ta’ Settembru, Malta laqgħet lil Moldova fis-Centenary Stadium u ħarġet rebbieħa 2-0 b’doppjetta ta’ Bugeja (46, 48) bl-istatistika turi li t-tentattivi kienu favur tagħna 9-1 u l-corners 5-2.
Fit-tielet logħba li saret fis-27 ta’ Ottubru, Malta kisbet l-ikbar skor meta għelbet lil Andorra 5-0 b’doppjetti ta’ Bugeja (17, 46), Stephania Farrugia (23), Maria Farrugia (74) bl-ieħor jiġi minn Rachel Cuschieri (77) meta sabet ix-xibka mir-rebound wara li kellha penalty salvat.
Hawnhekk l-istatistika kienet favur sew, 17-5 f’dawk li huma tentattivi u 8-1 f’dawk li huma corners.
Erbat ijiem wara Malta marret għand Andorra u rebħet 3-0 b’hat-trick ta’ Bugeja (36, 40, 43) fi spazju ta’ seba’ minuti ftit qabel il-mistrieħ.
Anke hawn l-istatistika kienet favur tagħna bit-tentattivi totali jkunu 8-5 favur u l-corners 3-1 favur ukoll.
Fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar kontra l-Moldova f’Chisinau, waqqajna l-ewwel punti fi draw ta’ 0-0 f’logħba li l-avversarji tagħna kellhom lil Felicia Gutu tiġi mkeċċija fil-81 minuta.
Għal darb’oħra l-istatistika kienet sew favur tagħna bit-tentattivi totali jkunu 12-6 u l-corners 11-1.
Finalment, il-logħba li żvolġiet waħda storika meta draw kien biżżejjed għalina biex niksbu l-promozzjoni saret, fis-6 ta’ Diċembru fis-Centenary Stadium, bl-avversarji jkunu l-Latvja.
Iżda l-Maltin ħadu iktar mid-draw bżonnjuż għax ħarġu rebbieħa 2-1 wara li kienu sabu ruħhom goal minn taħt minn penalty ta’ Karolina Mikone (50) bil-Maltin juru l-karattru tagħhom meta dawru r-riżultat b’żewġ goals minn Kailey Willis (58) u Maria Farrugia (73) biex tefgħu lil dawk kollha preżenti f’ewforija li t-tragward tagħhom ġie milħuq.
Wara l-logħba l-coach Tesse, kienet ferm kuntenta b’dak li akkwistaw il-players tagħha li temmew dan il-kampjonat bla megħluba u b’xorti tajba ġie ssiġillat quddiem il-partitarji tagħna.
Min-naħa l-oħra d-difiża ġiet megħluba darba biss u dan il-goal wasal minn penalty kontra l-Latvja f’kundizzjonijiet xitwin li peró ma naffrux lill-partitarji tat-team Malti milli jattendu bi ħġarhom għal-logħba u ta’ dan ġew ippremjati.
B’hekk fl-istorja qasira ta’ 20 sena tat-team Malti, wasal l-ikbar suċċess li żgur se jagħti spinta lill-football tan-nisa f’pajjiżna.
Minn dawn il-kolonni nawguraw is-sena t-tajba lill-coach Tesse u l-istaff tekniku tagħha kif ukoll lill-players tas-suċċess li kisbu.