Il-Gvern Malti beda diskussjonijiet mal-kumpanija Amerikana SpaceX, li tispeċjalizza f’titjiriet spazjali. Dawn id-diskussjonijiet saru bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Malta Space Act li se tiġi ppublikata s-sena d-dieħla.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li huwa responsabbli mill-Politika Spazzjali ta’ Malta, ta bidu għal dawn id-diskussjonijiet waqt laqgħa li kellu fil-Kwartieri Ġenerali ta’ SpaceX f’Hawthorne, Kalifornja fl-Istati Uniti.
Tul din iż-żjara fl-Istati Uniti, huwa kien akkumpanjat mill-professur u akkademiku mill-Università ta’ Malta Joseph Borg, li riċentament ikkoordina l-programm Maleth li jikkonsisti fl-ewwel esperimenti Maltin fl-ispazju.
SpaceX hija l-kumpanija ewlenija tat-titjiriet spazjali li kellha sensiela ta’ suċċessi, inkluż l-użu mill-ġdid ta’ rocket li jwassal merkanzija jew persuni lejn Low-Earth Orbit u lura. Hija wkoll l-ewwel kumpanija privata li tieħu l-bnedmin lejn l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali u lura.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom li pajjiżna jkun kollaboratur fit-titjib tal-konnettività tad-data internazzjonali li hi bbażata fuq is-satelliti, kif ukoll l-aċċess f’Malta għal servizzi tal-internet provdut minn SpaceX bis-sistema Starlink. Dan sabiex ikomplu jissaħħu u jkunu diversifikati is-servizzi ta’ konnettività provduti.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjega li l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, il-firxa wiesa ta’ investiment dirett barrani li hawn f’Malta u l-kalibru tal-akkademiċi Maltin jipprovdu lil Malta bi proposta soda biex tidħol f’oqsma speċifiċi fl-industrija spazjali. Din il-laqgħa serviet mhux biss bħala eżerċizzju ta’ konsultazzjoni bir-reqqa biex tiġi stabbilita l-ewwel Liġi tal-Ispazju Maltija, iżda wkoll bħala opportunità biex tissaħħaħ ir-relazzjoni strateġika ta’ pajjiżna ma’ SpaceX bil-ħsieb li jitwessgħu aktar l-għażliet ta’ konnettività ta’ Malta.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi wkoll lill-imprendituri Gordon Grech u Justin Fenech minn Spaceomix li kienu involuti direttament fiż-żewġ missjonijiet taħt il-programm Maleth u Anthony David Gatt mill-Malta Enterprise, l-entità governattiva għall-iżvilupp ekonomiku u l-promozzjoni tal-investiment.