Saturday, May 4, 2024

“Jekk il-Qorti mhix se tibgħat messaġġ b’saħħtu dak li jkun mhux se jaħsibha darbtejn biex jaqla’ l-inkwiet”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’laqgħa li s-Sindki tal-Ħamrun u l-Marsa kellhom mal-Prim Ministru Robert Abela, kienet enfasizzata l-ħtieġa li jkun hemm aktar infurzar fit-toroq f’dawn il-lokalitajiet mhux biss mill-pulizija iżda anke minn entitajiet oħra responsabbli. 

Talk.mt ħa l-kummenti tas-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut dwar din il-laqgħa li fiha kellhom l-opportunità li jitkellmu direttament mal-Prim Ministru f’isem ir-residenti u jagħtuh stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-lokalità tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Ħamrun qalilna li: “lill-Prim Ministru għednielu numru ta’ soluzzjonijiet li rridu naħdmu fuqhom. Il-bżonn ta’ aktar infurzar b’mod speċjali mill-awtoritajiet kollha fil-pajjiż mhux biss il-pulizija. Irridu nġibu l-entitajiet kollha flimkien sabiex ikun hemm aktar dixxiplina fit-toroq.” 

Huwa kompla jgħid li r-residenti jixtiequ jaraw aktar il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq għax fl-aħħar mill-aħħar dawn jixtiequ li tiżdied is-sigurtà fil-lokalità. “Jinqalgħu inċidenti kemm mill-Maltin kif ukoll mill-barranin. Dawn affarijiet li ilhom isiru. Il-Ħamrun lokalità ċentrali. Jiġu ħafna nies minn kullimkien. Ma jfissirx li għax il-ġlieda saret hawn bilfors in-nies involuti joqogħdu hawn. Se naħdmu biex is-sitwazzjoni terġa’ tkun taħt kontroll.”

“Nifhem in-nies u l-inkwiet tagħhom imma din il-kwistjoni mhix qiegħda fil-Ħamrun biss u ma tiġrix f’postijiet oħra,” qal Sammut. Huwa appella lin-nies biex ma jiddejqux jirrapportaw fejn jaraw in-nuqqasijiet. 

Finalment, is-Sindku tal-Ħamrun tenna fuq l-importanza li l-Qrati jkunu ibsin kemm jista’ jkun fid-deċiżjonijiet tagħhom u fejn hemm bżonn jintbagħtu nies lura li jibqgħu jiksru l-liġi ripetutament, dawn għandhom jintbagħtu minnufih. 

“Għax qed naraw li n-numru tal-każjiet qed ikunu magħmula mill-istess nies. Xi tip ta’ azzjoni trid issir. Il-messaġġ ikun b’saħħtu ħalli ħaddieħor jaħsibha darbtejn qabel xi ħadd jagħmel xi ħaġa,” temm jgħid Sammut. 

Sport