Saturday, December 21, 2024

Is-separazzjonijiet u l-Parental Alienation

Daniela Darmanin, Manager Directorate for Child Protection Services (FSWS)

Aqra wkoll

Ħafna drabi ż-żmien ta’ separazzjoni hu perjodu diffiċli ħafna mhux biss għall-koppja li qed jinfirdu imma anke għal dawk ta’ madwarhom – speċjalment l-ulied. Meta tesperjenza s-separazzjoni tal-ġenituri tiegħek u tirrealizza li żewġ persuni essenzjali f’ħajtek ma jixtiequx ikomplu jaqsmu ħajjithom flimkien, tista’ tkun esperjenza diffiċli, u dan anke għal persuna matura. Hija ħafna iżjed diffiċli u trawmatika li tesperjenza din is-sitwazzjoni f’età tenera; fejn il-ġenituri jkunu għadhom iċ-ċentru ta’ ħajtek, speċjalment jekk dawn jibdew jinvolvuk fil-kunflitti ħorox ta’ bejniethom.

Li f’daqqa waħda mhux se jqumu kull filgħodu fil-preżenza taż-żewġ ġenituri, hi bidla drastika għat-tfal. Jista’ jkollok sitwazzjoni wkoll fejn it-tfal ma jibqgħux jgħixu fir-residenza matrimonjali. Dan ifisser li dawn mhux biss tilfu l-preżenza kontinwa taż-żewġ ġenituri f’ħajjithom, iżda anke tilfu d-dar, il-kamra tagħhom u anke xi affarijiet personali tagħhom. Jista’ jkun li riżultat ta’ din il-bidla kellhom ukoll ibiddlu l-iskola tagħhom, fejn sussegwentement anke jkollhom jinfirdu minn mal-ħbieb tagħhom.

Meta koppja li għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni jkunu mweġġgħin u rrabjati fil-konfront ta’ xulxin, jkun hemm sitwazzjonijiet fejn dawn sfortunatament jinfexxu f’pika u ma jirnexxilhomx jagħrfu li ċerta mġieba tagħhom tista’ tikkawża ħsara emozzjonali lil uliedhom. Argumenti dwar it-tfal quddiem it-tfal jistgħu jwasslu biex it-tfal jaħsbu li huwa t-tort tagħhom li l-ġenituri qed jisseparaw u jistgħu jesperjenzaw ukoll inċertezzi bħal per eżempju, ‘Jekk il-mama’ u l-papa’ m’għadhomx iħobbu lil xulxin, allura dawn jistgħu ukoll jieqfu jħobbu lili?’

X’inhi Parental Alienation?

Parental Alienation hija meta tifel jew tifla jibda jiddissassoċja ruħu minn ma’ wieħed mill-ġenituri u jibda jirrifjuta li jkollu kuntatt mal-istess ġenitur. Dan isir minħabba influwenza li tkun ġejja jew mill-ġenitur l-ieħor jew inkella minn xi persuna oħra viċin tat-tifel jew tifla, u dan il-proċess jista’ jibda saħansitra minn meta l-koppja jkunu għadhom ma nfirdux. Riżultat ta’ din l-influwenza, it-tifel jibda jemmen li l-ġenitur ma jħobbux, jew huwa persuna ħażina, jew abbandunah biex jibni familja oħra jew saħansitra jemmen li dan il-ġenitur kien abbuża minnu meta dan ma jkunx veru.

Tajjeb li nifhmu li mhux kull tifel li jirrifjuta relazzjoni ma’ xi ġenitur huwa aljenat minn dak il-ġenitur. Jista’ jkun li l-minuri jkollu raġuni valida għaliex jirrifjuta kuntatt minħabba li kien hemm xi tip ta’ abbuż jew negliġenza. Jekk il-ġenitur qatt ma kien preżenti fil-ħajja tat-tifel qabel is-separazzjoni, ma tistenniex li f’daqqa waħda issa t-tifel se jfittex il-preżenza ta’ dan il-ġenitur. B’danakollu, jekk it-tifel kellu relazzjoni tajba mal-ġenitur qabel is-separazzjoni, u jekk ma kienx hemm xi forma ta’ abbuż, jista’ jkun li hemm Parental Alienation.

Tajjeb ngħidu wkoll li mhux kull ġenitur li jipprova jaljena lil uliedu mill-ġenitur l-ieħor jirnexxielu u dan minħabba li r-relazzjoni bejn it-tifel u l-ġenitur l-ieħor tkun waħda b’saħħitha u għaliex it-tifel ma jippermettix li jiġi aljenat. F’dan il-każ jista’ jkollok ‘alienating behaviour’ imma mhux Parental Alienation. Din l-alienating behaviour mhux bilfors isseħħ b’mod verbali; għaldaqstant mhux dejjem nkunu konxji li qed nagħmluha. B’danakollu, xorta nkunu qed inkunu influwenti u possibbilment nikkawżaw ħsara fuq uliedna. Eventwalment din tista’ twassal ukoll għal Parental Alienation.

Li t-tfal jitilfu l-possibiltà li jkollhom iż-żewġ ġenituri f’ħajjithom hija ħasra kbira. B’din l-aljenazzjoni lit-tfal inkunu qed nisirqulhom nofs ħajjithom. Qed nisirqulhom id-dritt li jibnu memorji u esperjenzi maż-żewġ ġenituri. Qed nisirquhom min-nofs l-istorja tagħhom. Qed nisirquhom milli jgawdu t-tfulija tagħhom. Qed nisirquhom mill-identità tagħhom.

Ir-riċerka turina li t-tfal jifjorixxu meta jkun hemm l-involviment taż-żewġ ġenituri f’ħajjithom. Huwa trawmatiku għat-tfal li jesperjenzaw in-nuqqas ta’ xi ħadd mill-ġenituri u li jibdew jemmnu li dak il-ġenitur u ħafna drabi anke l-qraba l-oħrajn min-naħa ta’ dan il-ġenitur huma nies ħżiena. Dan se jkisser is-self esteem tat-tifel għaliex fl-aħħar mill-aħħar hu wkoll ġej minn dan il-ġenitur, għaldaqstant jista’ jkun li t-tifel se jemmen li hu wkoll ħazin. Li jieħu messaġġ li l-ġenitur ma jħobbux jew li abbandunah biex jibni familja oħra huwa wkoll aspett li se jikkontribwixxi biex ikisser is-self esteem tal-minuri. Tfal aljenati mhux biss qed jitilfu l-opportunità li jgawdu u jibnu memorji maż-żewġ ġenituri imma ħafna drabi jsibu wkoll diffikultajiet biex jibnu relazzjonijiet ġodda meta jsiru adulti. Parental Alienation tista’ twassal għal dipressjoni u abbużi ta’ sustanzi bħal droga u alkoħol.

Ħafna drabi meta tispiċċa relazzjoni ngħaddu minn proċess ta’ bereavement u kulħadd jesperjenza l-emozzjonijiet b’mod differenti. Dawn l-emozzjonijiet jistgħu jvarjaw minn emozzjonijiet pożittivi bħal relief u ferħ għall-emozzjonijiet iżjed negattivi bħal anzjetà, biża’, dwejjaq u anke rabja estensiva. Tajjeb li nkunu konxji tal-emozzjonijiet tagħna u li noqgħodu attenti li ma ngħabbux lil uliedna b’dawn l-emozzjonijiet. Għaldaqstant, huwa ferm importanti li koppji li jkunu qed jaħsbu li se jipproċedu għas-separazzjoni jfittxu l-għajnuna u s-sapport kemm jista’ jkun malajr, idejalment anke qabel jiddeċiedu li se jipproċedu bis-separazzjoni.

Il-Court Services Unit fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal ilha għal diversi snin tagħti servizz lill-Qorti tal-Familja fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ natura familjari meta l-ġenituri ma jaqblux bejniethom fuq kustodja u kura tat-tfal. Dan il-unit joffri servizzi individwali u anke fi gruppi kemm mal-ġenituri u kemm mat-tfal u dan biex il-koppji u anke t-tfal jiġu ssaportjati f’dan il-proċess. L-għan huwa li l-familja tiġi ssapportjatha biex tissepara b’mod amikevoli u billi jiġi assigurat dejjem l-aħjar interess tat-tfal.

Ekonomija

Sport