Wednesday, July 24, 2024

Iwieġeb mhux ħati li ħaraq il-karozza tal-eks għax ma ħallitux jara lil bintu

Aqra wkoll

Naxxari ta’ 35 sena wieġeb fil-Qorti mhux ħati hekk kif ġie akkużat li ħaraq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu wara li allegatament ma ħallitux jara lil bintu minuri.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li fis-6 ta’ Ġunju li għadda, l-akkużat deher minn filmati tas-sigurtà fl-akwati ta’ Sqaq il-Kurbit fil-Ħamrun. Hu deher miexi b’kontenitur u anke deher iqabbad il-vettura li hija rreġistrata fuq isem missier il-vittma.

L-Ispettur Prosekutur Mario Sciberras qal li hu għaraf lill-akkużat mill-filmati tas-sigurtà. Jirriżulta li l-akkużat hu magħruf sew mal-Pulizija minħabba xi każijiet li kellu. Hu kien akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li kien barra fl-ħin li suppost kien id-dar fuq ordni tal-qorti.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li fil-31 ta’ Mejju u anke fil-jum ta’ wara hu kien bgħat messaġġi lill-eks sieħba fejn fost l-oħrajn qallha “Se tibqa iddaħħak… u ma turinix lit-tifla?”

Id-difiża mmexxija mill-avukat Roberto Spiteri talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba sabet l-oppożizzjoni tal-Prosekuzzjoni għax hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi kif ukoll biża’ li jettaq reat ieħor. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ma jistax jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-qorti.

Min-naħa tagħha d-difiża qalet li r-raġel jieħu ħsieb lil ibnu ta’ 13-il sena wara li ommu għażlet li tabbandunah.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba tad-difiża u ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat. Laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-familjari tagħha.

Il-prosekuzjzoni tmexxiet mill-avukat Joseph Camilleri Azarov f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Sciberras.

Ekonomija

Sport