Saturday, June 22, 2024

IL-PARTIT GĦANDHOM JIXTARRU L-MESSAĠĠI TAL-POPLU

Aqra wkoll

Wara r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-partiti ewlenin jagħmlu sew li jixtarru l-messaġġ ċar li ried jibgħat il-poplu Malti u Għawdxi. F’din l-elezzjoni kien hemm mal-100,000 persuna li ma ħarġux jivvotaw filwaqt li żdiedu dawk li vvotaw għall-kandidati indipendenti u dan minnu nnifsu wassal biex iż-żewġ partit ewlenin resqu iktar viċin xulxin numerikament.

Għalhekk lil hinn milli partit jgħid li rebaħ u l-ieħor kuntent li naqqas id-distakk, u anke lil hinn mill-battibekki politiċi, jeħtieġ li minn issa tibda l-ħidma biex il-weġgħat tan-nies jiġu ndirizzati aktar. M’aħniex qed ngħidu li dan ma kienx qed isir qabel. Imma jista’ jkun hemm min li qed iħoss li jrid jara bidliet u titjib fuq livelli differenti.

Fl-isfond ta’ dan ir-riżultat elettorali u anke l-messaġġ ċar li bagħat l-elettorat Malti u Għawdxi, huwa tajjeb li ninnutaw dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, illi se jinbeda proċess ta’ tiġdied kemm f’livell ta’ Gvern kif ukoll fuq livell ta’ Partit Laburista, fejn iridu jżommu l-polz tal-poplu dejjem fil-ħidma tagħhom.

Għalkemm għad baqa’ ftit aktar minn sentejn u nofs għall-elezzjoni ġenerali, nemmnu bis-sħiħ li dan il-proċess ta’ tiġdid għandu jwassal biex isiru l-bidliet, anki radikali, li hemm bżonn u fejn hemm bżonn. Bidliet li anke jekk jirrikjedu li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi għalihom. Madankollu, nemmnu li dan il-proċess għandu jkun il-bidu tat-triq li twassal għall-elezzjoni ġenerali fl-2027.

Ir-riżultat elettorali ta’ nhar il-Ħadd juri wkoll li anki l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn urġenti jagħmel eżami tal-kuxjenza u dan għax issa ilu snin fl-istess pożizzjoni li għadu jinsab fiha illum. Huwa inutli għalhekk li jifraħ sempliċiment li naqas id-distakk kbir li kien hemm bejn iż-żewġ partit ewlenin.

Il-PN jrid jirrealizza li d-distakk ċkien kien dovut għal fatt li eluf ta’ Laburisti f’din l-elezzjoni jew astjenew, ħassru l-vot jew ivvutaw lill-partiti ż-żgħar u għal kandidati indipendenti. Għalhekk il-PN u l-Kap tiegħu speċjalment, la jistgħu jifirħu u wisq inqas jiftaħru li kien bil-ħila tagħhom li d-distakk naqas.

Nifhmu li kulħadd għandu jżomm quddiem għajnejh li l-elezzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienu għall-parlament ewropew u għal kunsilli lokali u mhux biex ibiddlu jew jikkonfermaw gvern. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest nittamaw li dawk li diġa ġew eletti u dawk li għad iridu jkunu eletti, irrispettivament mill-partit li jirrappreżentaw, jaħdmu flimkien fl-interess ta’ pajjiżna fuq naħa u fl-interess tal-lokalita fuq in-naħa l-oħra.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport