Wednesday, July 24, 2024

Telfa għal Malta b’żewġ goals fl-ewwel kwarta

Aqra wkoll

Malta ……..0

Greċja …….2

Minn Cristian Muscat

Fit-tieni logħba ta’ ħbi­berija waqt kamp ta’ taħriġ fl-Awstrija, Malta sfat megħluba mill-Greċja bl-iskor ta’ 2-0 liema goals waslu fl-ewwel kwarta.

Il-coach, Michele Marco­lini, għamel sitt bidliet mil- logħba preċedenti. 

Fl-ewwel taqsima, wara li sofrew goal kmieni li wasal minn pe­nal­ty, il-players Maltin dehru demoralizzati konxji mill-fatt li kien proprju penalty kmieni li witta t-triq għat-telfa ta’ 7-1 kontra r-Repubblika Ċeka.

Dan ippermetta biex il- Griegi bdew idawru l-ballun b’mod veloċi li kien diffiċli għall-players Maltin li jinnewtralizzawhom.

Huma bdew jużaw il-fa­xex laterali biex jiftħu lid- difiża Maltija u bdew jirnexxielhom isibu l-ispazji minħabba li l-players Maltin bdew jitilfu lill-avversarji diretti tagħhom.

Peró fit-tieni taqsima, il-players tagħna kibru fl- istatura, dehru aktar dix­xiplanti u bdew jagħlqu l-ispazji kollha neċessarji biex anke bdew ‘jifgaw’ il-furja tal-avversarji, tant, li kienu kostretti li jixxuttjaw minn barra l-kaxxa.

Il-partita fetħet bi żball ta’ Teddy Teuma bil-ballun jasal għand Christos Tzolis li minn tarf il-kaxxa xxuttja ċentrali biex il-goalkeeper, Rashed Al-Tumi, salva mingħajr tbatija.

Fis-sitt minuta, il-Griegi rebħu penalty meta Vangelis Pavlidis ħarab in-nasba tal-offside minn pass fit-tul ta’ Manolis Saliakas, u antiċipa l-ħarġa ta’ Al-Tumi billi prova jdur miegħu iżda ġie mwaqqa’ mill-goalkeeper Malti.

Ix-xutt ta’ Anasta­sios Bakasetas mill-11-il met­ru kien ċentrali iżda wisq b’saħħtu biex Al-Tumi seta’ jsalva.

Fil-15-il minuta, il-Griegi rduppjaw meta l-Maltin tilfu l-pussess tal-ballun u az­zjoni bejn Anastasios Bakasetas, Giorgios Masouras, Vangelis Pavli­dis u Christos Tzolis, spiċ­ċat b’dan tal-aħħar isammar il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.

Fil-31 minuta, waslet l-aħjar azzjoni tal-Maltin meta Paul Mbong approfitta minn żball ta’ Dimitrios Kourbelis fi tliet kwarti ta’ ground … avvanza waħdu u minn tarf il-kaxxa ra t-tentattiv dgħaj­jef tiegħu jiġi salvat parzjalment mill- goal­keeper, Konstantinos Tzolakis,  b’dan tal-aħħar jerġa’ jtajjar fil-ħin minn sa­qajn Teuma li deher li seta’ jixħet il-ballun fix-xib­­ka.

Seba’ minuti wara, Al-Tumi kien providenzjali meta salva d-daqqa ta’ ras ta’ Mantalos minn taħt il-lasti.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Bakasetas resaq viċin li jżid l-iskor iżda x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fis-68 minuta, Al-Tumi kien attent meta dawwar f’corner ix-xutt qawwi ta’ Tzolis.

Fl-74 minuta, il-Maltin ħolqu attakk perikoluż iżda mill-cross ta’ Kemar Reid, Guillaumier waqa’ f’pożizzjoni ta’ offside. U fit-80 minuta, Kyrian Nwoko ġie­għel lill-goalkeeper Grieg idawwar f’corner.

MALTA: 16-Rashed Al-Tumi, 2-Jean Borg (26-Luke Tabone 89), Ryan Camenzuli, 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guillaumier, 10-Teddy Teuma, 11-Paul Mbong (14-Kyrian Nwoko 72),   15-Juan Carlos Corbolan, 17-Nikolai Muscat (21-Dunstan Vella 89), 18-Jurgen Degabriele (9-Kemar Reid 46), 22-Zach Muscat  – Coach: Michele Marcolini

GREĊJA: 12-Konstantinos Tzolakis (24-Christos Mandas 81), 2-Manolis Saliakas (16-Theocharis Tsingaras 81), 3-Konstantinos Koulierakis, 6-Dimitrios Kourbelis, 7-Giorgios Masouras (18-Dimitris Limnios 61), 9-Vangelis Pavlidis (19-Tasos Douvikas 61), 10-Christos Tzolis, 11-Anastasios Bakasetas, 14-Panagiotis Retsos (25-Andreas Ntoi 74), 20-Petros Mantalos (26-Giannis Kotsiras 61), 21-Georgios Kiriakopoulos – Coach: Nikolaos Papadopoulos

REFEREE: Alan Kijas (Awstrija)

ASS. REFEREES: Michael Obritzberger, Maximilian Weiss (Awstrija)

RABA’ UFF: Arnes Talic (Awstrija)

SKORERS: A. Bakasetas 7, C. Tzolis 15 (G)

AMMONIT: K. Koulierakis (G)

Ekonomija

Sport