Is-serata tal-Oscars 2023 kienet waħda eċċezzjonali fejn il-film kolossali dwar realtajiet differenti fl-univers infinit, “Everything Everywhere All At Once”, kaxkar xejn inqas minn seba’ premijiet Oscars. B’messaġġi ta’ kommozzjoni kemm mill-atturi Jamie Lee Curtis, Ke Huy Quan u Michelle Yeoh, bl-istatwa tad-deheb f’idejhom, dehru emozzjonati għall-aħħar b’dak l-aktar b’saħħtu sar proprju minn Ke Huy Quan. Fuq il-palk dan stqarr li l-vjaġġ tiegħu beda fuq vapur lejn l-“art tal-opportunitajiet” – l-Amerika u b’rikonoxximent għas-suċċess kbir personali li kiseb qal li, “u issa qiegħed hawn”.
Fil-95 serata tal-Premijiet tal-Oscars, li din is-sena kienet l-ewwel waħda li għaliha ma kienx permess li jattendi Will Smith minħabba l-inċident tad-daqqa ta’ ħarta li ta live lil Chris Rock, l-atmosfera kienet waħda ta’ ferħ kbir tant li kien hemm anke min beka. Dan b’mod speċjali l-atturi tal-film rebbieħ b’mod assolut “Everything Everywhere All At Once” li ħa l-premijiet għall-Aqwa Stampa, l-Aqwa Direttur, l-Aqwa Attriċi, l-Aqwa Supporting Actor, l-Aqwa Supporting Actress, l-Aqwa Editing u l-Aqwa Screenplay Oriġinali.
Dan il-film kien ta’ klassi għalih f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża mtella’ mill-Akkademja. Dan minkejja li kkompeta ma’ films tajbin oħra fosthom “All Quiet on the Western Front, Avatar: The Way of Water”, “The Banshees of Inisherin”, “Elvis”, “The Fabelmans”, “TAR”, “Top Gun: Maverick”, “Triangle of Sadness” u “Women Talking”.
Il-premijiet fil-kategoriji l-oħra kienu:
- Animated Feature – “Guillermo del Toro Pinocchio”;
- Dokumentarju Feature – “Navalny”;
- Live Action Short – “An Irish Goodbye”;
- Ċinematografija – “All Quiet on the Western Front”;
- Makeup u Xahar – “The Whale”;
- Kostumi – “Black Panther: Wakanda Forever”;
- Film Internazzjonali – “All Quiet on the Western Front”;
- Dokumentarju Qasir – “The Elephant Whispers”;
- Animazzjoni Qasira – “The Boy, the Mole, the Fox and the Horse”;
- Production Design – “All Quiet on the Western Front”;
- Original Score – “All Quiet on the Western Design”;
- Effetti Viżivi – “Avatar: The Way of Water”;
- Screenplay Adattat – “Women Talking”;
- Sound – “Top Gun: Maverick”;
- Kanzunetta Oriġinali – “Naatu Naatu, RRR”; u
- L-Aqwa Attur (Lead Actor) – Brendan Fraser fil-film “The Whale”.