Wednesday, April 24, 2024

“L-obbligu taċ-ċelebat jista’ jiġi rivedut”

Fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu l-Papa Franġisku b’kumment revoluzzjonarju

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-10 snin anniversarju mill-elezzjoni tiegħu, il-Papa Fraġisku għamel għadd ta’ intervisti u fosthom kien hemm waħda mas-sit tal-aħbarijiet Arġentin “Infobae”. F’din l-intervista l-Papa preżenti ta x’jifhem li jista’ jkun hemm lok biex jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu dwar iċ-ċelebat fost il-qassisin. Dan is-suġġett jaħraq għall-Knisja Kattolika ilu s-snin jissemma’ anke minħabba l-iskandli ta’ abbużi sesswali u issa li l-Papa Franġisku qal li dan l-obbligu jista’ jiġi rivedut.

Din l-intervista mal-Papa ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna tant li kulħadd qiegħed isegwi l-passi li jmiss tal-Pontefiċè fir-rigward. It-tema tal-obbligu taċ-ċelebat kienet għal diversi snin magħluqa għad-diskussjoni. Fil-fatt kien il-Papa Franġisku stess li fis-sinodu tal-2019 fuq l-Amazon kien illimita lilu nnifsu għal talb biss biex tkun indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ qassisin ġodda fil-Knisja. 

Issa, waqt l-intervista mal-aġenzija Arġentina fuq il-kwistjoni, dan il-Papa rrisponda “iva” għall-mistoqsija li saritlu mill-ġurnalist jekk fil-futur l-obbligu taċ-ċelebat fost il-qassisin jistax jiġi rivedut.

Iċ-ċelebat… rekwiżit temporanju

Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku spjega li, “din hija rekwiżit temporanju u mhiex eterna bħalma hija l-ordinazzjoni ta’ qassis”. Aktar minnhekk, huwa tefa’ t-tort fuq iċ-ċelebat għal ċertu tendenzi ta’ xoviniżmu maskili li hemm fil-Knisja Kattolika. Tali tendenzi li, skont il-Papa, huma wkoll preżenti fil-Vatikan.

Din id-dikjarazzjoni revoluzzjonarja mill-Papa Franġisku saret wara l-assemblea tas-Sinodu Ġermaniż li approva t-talba biex jaraw x’hemm komuni bejn il-konsagrazzjoni u l-obbligu taċ-ċelebat. Ir-reviżjoni tal-obbligu taċ-ċelebat huwa wieħed mill-aktar suġġetti għall-qalb l-ZdK li huwa kumitat b’saħħtu ta’ lajċi Kattoliċi Ġermaniżi li fl-istess ħin huma favur ukoll l-ordinazzjoni tan-nisa. 

Din mhiex l-ewwel darba li l-Papa Franġisku tkellem dwar is-suġġett. Fil-fatt, għal diversi drabi, huwa rrefera  għaċ-ċelebat bħala “rigal”. Ftit aktar minn sena ilu, fid-diskors tiegħu fis-simpożju internazzjonali “For a Fundamental Theology of the Priesthood” ippresedut mill-Karnidal Marc Ouellet, il-Papa Franġisku semma’ r-“rigal” li “biex ikun esperjenzat f’livell ta’ santità, dan jirrikjedi relazzjonijiet sani, relazzjonijiet ta’ stima vera u ta’ tjubija vera li tinsab biss fi Kristu”.

It-tliet Papiet ta’ qabel kienu kontra r-reviżjoni…

Tajjeb li nfakkru li l-Papa Pawlu VI u warajh il-Papa Ġwanni Pawlu II u anke l-Papa Benedittu XVI kienu kontra li ssir reviżjoni dwar l-obbligu taċ-ċelebat. 

Iżda, kif fakkar sewwa l-Papa Benedittu, fil-Knisja Kattolika diġà hemm qassisin li huma miżżewġa. Dawn huma membri tal-Knisja Kattolika tal-Punent. F’intervista li saret għal darb’oħra ma’ sit Arġentin, il-Papa Franġisku qal li, “hawnhekk fil-Kurja għandna wieħed. Iltqajt miegħu llum. Għandu mara u tifel. M’hemm ebda kontradizzjoni għal qassis biex ikun jista’ jiżżewweġ”. 

Min-naħa tiegħu dan il-Papa tenn li, “ma nafx jekk b’xi mod jew ieħor din il-kwisjoni hiex se tkun solvuta, imma f’dan is-sens, din hija temporanja”.

Sport