Wednesday, December 25, 2024

“Is-Serbja qatt mhi se tingħaqad f’isteriżmu kontra r-Russja”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Intern Serb jisħaq li pajjiżu huwa liberu li jagħżel il-ħbieb tiegħu

B’dikjarazzjoni ċara u soda li s-Serbja hija pajjiż indipendenti li tista’ tagħżel il-ħbieb tagħha, il-Ministru tal-Intern Serb, Alexander Vulin, ikkundanna l-isteriżmu qawwi kontra r-Russja u wiegħed li pajjiżu qatt mhuwa se jkun parti minn din il-propaganda negattiva.

F’laqgħa li kellu mal-Ambaxxatur Russu għas-Serbja, Alexander Botsan-Kharchenko, Vulin qal dan fid-dawl tas-sanzjonijiet qawwija imposti fuq ir-Russja u ċ-ċittadini tagħha minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna. 

Huwa saħaq li l-Federazzjoni Russa ma tistax tkun ikkonfiskata, li l-midja tagħhom tiġi pprojbita, li jitkeċċew studenti u li jitneħħew awturi u xjenzati Russi mill-kotba akkademiċi: “Ċivilizzazzjoni li tikkanċella awturi, xjenzjati u attivisti għal-libertà Russa, kif ukoll li tħassar dak kollu li l-poplu Russu ta lil din id-dinja, issir ċivilizzazzjoni fqira ħafna,” sostna Vulin.

Il-Ministru tal-Intern Serb enfasizza li pajjiżu b’rajh f’idejh “Jista’ jagħżel il-ħbieb tiegħu.  Is-Serbja qatt ma tista’ tinsa li fl-2015 ir-Russja ma laqgħetx ir-reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li kien se jiddikjara lill-poplu Serb bħala l-ewwel nies fl-Istorja li huma ħatja ta’ ġenoċidju”. Hawnhekk huwa żied jgħid li l-pulizija Serba kienet ikkoperat mal-aġenziji u mal-pulizija Russi b’suċċess. 

Vulin huwa ċert li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tista’ tkun ta’ benefiċċju għat-tnejn li huma u rringrazzjat lir-Russja għas-sostenn kontinwu li tathom fil-ġlieda għall-integrità territorjali tas-Serbja.

Aktar qabel, il-President Serb Alexander Vucic, iddeskriva l-attentati tal-pajjiżi tal-Punent li jikkanċellaw lil Yuri Gagarin u lil Fyodor Dostoyevsky bħala “Riżultat ta’ isteriżmu u ġenn li bela’ d-dinja”. Dan il-kliem Vucic qalu b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Fondazzjoni tal-Ispazju li tħassar is-serata “Yuri Night” iddedikata għal Jum il-Kosmonawtika.

Qabel dan, l-Università ta’ Milan ħassret lectures dwar Fyodor Dostoyevsky li jinqraw minn Paolo Nori, riċerkatur u awtur famuż. Barra minn hekk, kien hemm persuni li użaw il-midja soċjali biex jattakkaw lill-awtur Nikolay Lilin li preżentament jgħix fl-Italja. Lilin huwa l-awtur tan-novella “Siberian Upbringing” miġbud f’film mid-direttur Taljan, Gabriele Salvatores. 

Pass ieħor kontra l-poplu Russu ttieħed mill-amministrazzjoni tat-teatru “La Scala” li keċċew lid-direttur Valery Gergiyev, mentri Anna Netrebko ddeċidiet hija nnifisha li titlaq mit-teatru ta’ Milan.

Ekonomija

Sport