“Is-service charge għandha tgħaddi għand l-impjegat.” Hekk stqarret ma’ dan il-ġurnal Michelle Muscat, President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) meta mistoqsija dwar “it-tariffa” li ħafna restoranti qegħdin idaħħlu meta jagħtu l-kont lill-klijenti tagħhom.
Tibda biex tgħid li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn service charge u cover charge. “Cover charge hija tariffa li l-benefiċarju tagħha huwa l-operatur u din hija intenzjonata biex tikkontribwixxi għall-ispejjeż operattivi. Min-naħa l-oħra service charge l-benefiċjarju għandu jkun il-ħaddiema – l-impjegati li qegħdin iservi lill-klijenti fir-restorant,” tistqarr magħna Muscat filwaqt li tinsisti li wieħed għandu jkun jaf id-differenza bejn dawn iż-żewġ miżati.
Għalhekk, il-President tal-ACE tgħid li service charge hija isimha magħha – tmur direttament lejn il-ħaddiema għax din hija miżata relatata mas-servizz… min-naħa l-oħra cover charge bi dritt għandha tibqa’ għand l-operatur biex tgħinu jkopri l-ispejjeż operattivi.
Mistoqsija dwar il-pożizzjoni tal-ACE dwar dawn il-miżati, Muscat tgħid li l-Assoċċazzjoni mhi se tobbliga lil ebda operatur jintroduċi xi waħda minn dawn il-miżati.
“Kull operatur f’pajjiż demokratiku għandu dritt jintroduċi dawn it-tip ta’ charges. L-istess bħal meta klijent għandu dritt jagħżel fejn imur jiekol skont il-preferenza tiegħu. L-ACE tisħaq li kull charge introdotta għandha tidher b’ċar mill-aktar ċar kemm fuq il-menu u anke fuq il-kont li klijent ikun se jħallas…” tgħidilna Michelle Muscat, President tal-ACE.
Tisħaq li b’dan il-mod ħadd ma jiġi żgwidat u jkun hemm trasparenza dwar dak li klijent ikun se jħallas. “L-ACE tisħaq ukoll li jekk l-operatur jintroduċi service charge din għandha tingħata direttament lill-ħaddiema,” tgħidilna Muscat.
Nistaqsu lill-President tal-ACE dwar is-sitwazzjoni f’ħafna pajjiżi Ewropej fejn dawn il-miżati tista’ tgħid li huma xi ħaġa normali li ssibhom fost l-oħrajn fi bliet kbar. “Iva f’ħafna pajjiżi hija normalità. B’hekk ħafna turisti f’Malta ma jħallux tips għax għalihom hija normali li jkunu nklużi fil-kont,” tgħidilna l-President tal-ACE.
Muscat tagħmel enfasi kbira dwar l-importanza li jkun hemm spjegazzjoni ċara ta’ dak li klijent ikun mitlub li jħallas. “L-akbar sfida mhux il-ħlas, imma t-trasparenza,” ittemm tgħid Michelle Muscat, President tal-ACE.
