Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Forzi Armati ta’ Malta assistew żewġ inċidenti separati li t-tnejn kienu jinvolvu l-baħar.
Is-Sibt filgħodu, iċ-Ċentru tal-Kordinazzjoni tas-Salvataġġ irċieva informazzjoni li kien hemm dgħajsa maqluba fiż-żona ta’ Tigné.
Il-membri tas-salvataġġ tal-AFM marru mill-ewwel fuq il-post fejn assistew żewġ persuni li kellhom bżonn l-għajnuna u li kollox kien qiegħed jindika li kienu fuq id-dgħajsa. Iż-żewġ persuni ttieħdu lejn l-art fejn ingħataw l-għajnuna medika.

It-tieni inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda meta l-Forzi Armati rċivew rapport li kien hemm individju li kellu bżonn l-għajnuna wara li sofra xi ġrieħi f’idu waqt li kien qiegħed juża l-ħarpun. Dan il-każ seħħ fl-inħawi ta’ Marsascala.
Il-persuna nvoluta ttellgħet mill-baħar, ittieħded lejn l-art fejn kien hemm tim mediku mill-isptar Mater Dei jistenna biex jagħti l-għajnuna medika lill-vittma.
Il-Forzi Armati tfakkar kemm hu importanti li wieħed joqgħod attent għas-sigurtà tiegħu meta jkun qrib il-baħar jew fil-baħar.
