Tuesday, April 30, 2024

Is-Servizz Pubbliku qed ikun protagonist fil-qalba ambjentali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan il-pajjiż għandu quddiemu bidliet kbar. Ewlenin fosthom il-qalbiet diġitali u l-qalba ambjentali. Bidliet li ma jistgħux jiġu posposti jekk irridu li pajjiżna jibqa’ pajjiż ta’ suċċess. U s-servizz pubbliku għandu rwol kbir x’jilgħab biex din it-trasformazzjoni tkun tista’ sseħħ.”

“Is-servizz pubbliku jrid imexxi bl-eżempju billi hu stess ikompli jinbidel u jħaddan dawn il-bidliet. Irid jiffaċilita dawn il-bidliet għall-kumplament tas-soċjetà fit-tħaddim ta’ policies u skemi. Irid ukoll jagħmel ċert li dawn il-bidliet isiru mingħajr ma nixħtu piżijiet fuq in-nies, speċjalment fuq dawk li jifilħu l-inqas.”

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jindirizza laqgħa tal-Kabinett man-nies fl-MFCC, Ta’ Qali, fejn dawk preżenti tkellmu dwar l-aspettattivi tagħhom mis-Servizz Pubbliku.

Huwa stqarr li l-bidla hija xi ħaġa li s-servizz pubbliku jrid iżomm ċentrali f’ħidmietu l-ħin kollu. “Kontinwament irridu nkunu katalisti tal-bidla. Huwa b’hekk biss li pajjiżna jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem. Il-Gvern għandu mandat b’saħħtu biex jagħmel dawk il-bidliet,” qal il-Prim Ministru.

Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu bir-rata ta’ implimentazzjoni fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura iżda qal li għalih dak is-sodisfazzjon huwa biss il-bażi biex kontinwament nagħmlu aktar.

Il-Prim Ministru nnota kif f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm investiment ta’ €500 miljun fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi u fl-assigurazzjoni li s-servizzi diġitali jibqgħu għaddejjin. 

“Żidna u tejjibna s-servizzi. Hekk saħħaħna postna fil-quċċata tal-eGovernment fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru li semma wkoll kif l-Intelliġenza Artiċjali trid tkun fiċ-ċentru tal-bidliet kollha li rridu mmorru għalihom.

Huwa tkellem ukoll dwar il-bidla fil-mod ta’ kif joperaw il-Qrati tagħna u s-servizzi tas-saħħa. Sostna li jemmen li bid-diġitalizzazzjoni se jitjieb l-operat ta’ dawn is-setturi kruċjali u anke jkun hemm differenza tanġibbli fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Dwar il-miri ambjentali, il-Prim Ministru nnota kif is-servizz pubbliku qed jibqa’ jkunu quddiem nett. “Il-qalba għal 250 vettura elettrifikata turi l-impenn li Malta tadotta politika carbon-neutral.”

Ma naqasx milli jsemmi kif matul dawn l-aħħar snin numru ta’ Dipartimenti ngħataw quality label, li jfisser li d-Dipartiment ikun laħaq numru ta’ kriterji ta’ effiċjenza u għaldaqstant jingħata dan ir-rikonoxximent. Kien hawn fejn enfasizza li għandu jkun hemm aktar dipartimenti li jilħqu dan il-livell.

Il-Prim Ministru żied isemmi wkoll li: “s-servizz pubbliku fil-ġimgħat li għaddew wera kemm hu mudell tajjeb ta’ fejn jidħol il-bilanċ bejn il-ħajja u xogħol u dan permezz ta’ tisħiħ ta’ prattiċi moderni fosthom ir-remote working u ħinijiet aktar flessibbli.”

Huwa temm jgħid li: “Ejja nibqgħu ntejbu s-sistemi tagħna. Nibqgħu nisimgħu lill-klijent. Nibqgħu viċin in-nies. Għax hekk biss nibqgħu nagħmlu differenza f’ħajjet in-nies.” 

“Aħna rridu ninbidlu u mhux inżommu l-bidla” 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li t-teknoloġija qiegħda tinbidel kontinwament u se tibqa’ tinbidel. Fl-istess ħin se tibqa’ ttejjeb il-kwalità tax-xogħol tan-nies u se tibqa’ tagħti xogħol dinjituż lin-nies. 

“Bħala servizz pubbliku, ikkapitalizzajna minn dan il-fattur tant li ħloqna proġetti diġitali biex naslu aktar għand in-nies. Bħala pajjiż, ħloqna ekonomija diġitali li bbenefikaw minnha kemm is-settur pubbliku u anke s-settur privat.

“Għalhekk kien xieraq li f’dawn il-ġranet nagħtu viżibilità ta’ ftit mix-xogħol li għaddej fil-Ministeri, xogħol ta’ mmodernizzar f’kull qasam,” qal Sultana filwaqt li żied jgħid li jsir aktar investiment fejn jidħol il-qasam diġitali. 

“Aħna rridu ninbidlu. Mhux inżommu l-bidla. Ejja nidħlu għal riformi li jadottaw prattiċi ġodda. Viżjoni li ma tagħmilx differennza bejn Ministeru, aġenzija jew dipartiment. Viżjoni fejn niffukaw fuq il-bżonnijiet tal-individwu. Viżjoni fejn dejjem niġġeddu u nbiddlu lilna nfusa. Inbiddlu d-dehra tagħna għaż-żminijiet moderni u nużaw għodod ġodda biex naslu għand nies differenti,” temm jgħid Sultana.

Sport