Is-servizz tal-1400 qed iħalli impatt kbir kemm fir-rigward ta’ problemi meqjusa minuri imma anke f’oħrajn maġġuri, turija ta’ kemm dan is-servizz qiegħed jaħdem u fiż-żmien li ġej mistenni li jkompli jżid fil-ħidma tiegħu.
Iddikjara dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’intervista ma’ dan il-ġurnal fejn tkellimna dwar diversi temi fosthom il-helpline 1400, li huwa disponibbli 24 siegħa kuljum.
Dan il-helpline, li tnieda lejn l-aħħar ta’ Mejju li għadda biex iservi ta’ gwida għal pazjenti u jagħti parir dwar l-aqwa servizz li jistgħu jużaw għall-każ partikolari tagħhom, diġà rċieva ’l fuq minn 2,800 telefonata b’650 pazjent li ċemplu fuq din il-linja ġew riferuti lejn il-privat.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Abela qal li “s-servizz tal-1400 beda bilmod kif xtaqna biex ma jkollniex problemi u dejjem qed iżid. Din hija sezzjoni ta’ telemediċina li żgur mhux forsi hi l-futur, mhux biss f’pajjiżna imma f’ħafna pajjiżi oħra.”
Huwa żvela wkoll li kien hemm pazjenti bi problemi serji li meta kkuntattjaw lill-awtoritajiet tas-saħħa fuq dan is-servizz ingħataw il-parir xieraq, sarulhom it-testijiet li kellhom bżonn fi sptar privat – li ħallas għalihom il-Gvern – u mbagħad ġew trasferiti fl-Isptar Mater Dei fejn qed jieħdu t-trattament avvanzat li għandhom bżonn.
Huwa kompla billi nnota li kull min ikollu bżonn is-servizzi tal-emerġenza f’pajjiżna jieħu servizz tajjeb. “Għandna staff, tobba, infermiera, radjografi li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Imma għandek ukoll dak li ngħidulu l-pre-hospital care. infermiera, tobba speċjalizzati u emergency responders li huma dedikatissimi. Inti tittestja kemm servizz huwa tajjeb meta jkun hemm influss kbir, meta jkun hemm domanda kbira għal dak is-servizz.
“Aħna ma niħdux pjaċir meta jkun hemm ħafna inċidenti fit-toroq, persuni li jmutu fuq il-post jew malli jiġu l-Isptar. Imma dak huwa t-test, il-prova li għandna s-sistema tagħna kulma jmur dejjem aktar reżiljenti, li tħalli lill-professjonisti jsalvaw il-ħajjiet, fejn huwa possibbli.
“Meta jkun hemm persuni li jweġġgħu, inċidenti gravissimi li se jolqtu l-organi vitali bħall-moħħ u l-qalb b’mod irriversibbli, aħna mirakli ma nagħmlux. Li nagħmlu hu li nużaw ix-xjenza li tgħallimna biex kemm jista’ jkun insalvaw il-ħajjiet. Bħala Ministru kuntent u sodisfatt li l-istaff tagħna dejjem lest li jsalva l-ħajjiet,” tenna jgħid il-Ministru Abela.
Tkellimna wkoll dwar iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċentru Moran f’Raħal Ġdid, li beda jilqa’ l-ewwel pazjenti ftit tal-ġimgħat ilu u qed ikompli jżid is-servizzi mediċi li joffri lill-pazjenti.
Huwa beda biex stqarr li dejjem kienet l-idea li dan iċ-ċentru, magħruf aħjar bħala l-Paola Hub, joffri ħafna servizzi fin-nofsinhar ta’ Malta. Qal li din kienet idea tal-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ħadem ħafna fuq dan il-proġett, bil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) hi dik l-entità li qed twassal dan il-proġett.
Waqt li rrikonoxxa li kien hemm xi problemi minħabba t-tender mal-kuntrattur b’rabta ma’ dan il-proġett, il-Ministru Abela qal li l-Gvern għax kellu rieda soda li jsolvi dawk il-problemi, solviehom, u issa qed jinfetaħ sular wara l-ieħor minn dan iċ-ċentru u b’mod gradwali qed jiżdiedu s-servizzi offruti.
Fost dawn hemm is-servizzi tal-ġinekoloġija, ta’ speech language therapy, tal-ortopedija, tal-manometrija, podjatrija u anke klinika respiratorja. Hemm ukoll servizzi oħra li huma totalment ġodda għal pajjiżna, fosthom il-klinika tal-immunoloġija li tiffoka fuq dijanjosi u kura ta’ mard relatat mas-sistema immunitarja bħal allerġiji, mard awto immuni u immunodefiċjenzi. F’dan ir-rigward, il-Ministru Abela spjega li “għandna speċjalist li ġie minn barra u li qed joffri dan is-servizz.” Huwa tenna wkoll li fiż-żmien li ġej se jkomplu jiżdiedu aktar servizzi, li jinkludu żona dedikata għall-kardjoloġija u anke teatri għall-operazzjonijiet.
“Il-mediċina tinbidel il-ħin kollu u anke l-kirurġija. Importanti li l-Gvern, fis-servizzi tiegħu tas-saħħa jkompli jinvesti f’tagħmir mill-aktar modern. Ġewwa l-Paola Hub huwa dan it-tip ta’ tagħmir li se jkollna.
“Il-Paola Hub se jserraħ ħafna lill-Isptar Mater Dei. F’moħħna għandna l-pazjent li jrid jirċievi servizz imma wkoll il-professjonisti li rridu nimmassimizzaw, nużaw il-ħiliet kollha tagħhom mingħajr ma nħalluhom imorru xi mkien ieħor. Lill-professjonisti tagħna rridu nindukrawhom, niggarantulhom progress fil-karriera tagħhom,” qal il-Ministru Abela. “Dak il-progress fil-karriera rridu niggarantuh u ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran se jservi għalhekk ukoll.”