Friday, December 27, 2024

Is-servizz tal-ferry bejn Kottonera, il-Belt u Tas-Sliema se jkun bla ħlas fl-2024

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia f’intervista li kellu mal-ġurnal MaltaToday ħabbar li s-sena d-dieħla s-servizz tal-ferry bejn Kottonera, il-Belt u Tas-Sliema se jkun bla ħlas għal dawk li għandhom Tal-Linja Card.

Sostna li din hija deċiżjoni oħra meħuda mill-Gvern imexxi mill-Prim Ministru Robert Abela u l-għan warajha hu li tonqos il-konġestjonijiet tat-traffiku billi tħeġġeġ aktar nies iħallu l-karozza tagħhom id-dar u jużaw trasport alternattiv.

Il-Ministru qal li qegħdin naħdmu biex it-trasport bil-baħar ikun bla ħlas għal dawk li għandhom tal-Linja Card. Tenna li dan se jkun esperiment biex naraw in-nies kif se jirreaġixxu għalih. Il-Ministru Farrugia qal li permezz ta dan qed naraw minn Bormla sal-Belt, mill-Belt sa Tas-Sliema, ikun bla ħlas

Fl-istess intervista Farrugia qal li dan hu investiment bil-għaqal u l-ħsieb warajh hu biex aktar nies jużaw il-ferry minflok imorru l-belt bil-karozza tagħhom.

Semma l-investiment li sar mill-Gvern fuq il-moll ta’ Bormla u x-xogħlijiet fuq il-moll f’Tas-Sliema se jkun lest sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru qal li dan l-istess servizz se jkun estiż ukoll lejn Buġibba fejn ix-xogħlijiet għal moll ġdid għal dan is-servizz ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ekonomija

Sport