Sunday, November 24, 2024

“Is-servizzi mogħtija lill-anzjani jgħinu lil qrabathom ikunu aktar liberi” – Il-Ministru Michael Farrugia

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt il-ħin tal-aġġornament fis-seduta parlamentari tal-lejla, il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia qal li kull servizz li qiegħed jingħata huwa servizz għall-anzjan li b’mod dirett jew indirett jgħin lill-qraba tiegħu.

Il-Ministru fakkar dwar trasport b’xejn għal diversi servizzi li jiġu bżonn l-anzjani tagħna. Huwa tkellem dwar servizz ta’ trasport b’xejn biex l-anzjani tagħna jmorru l-bank, biex imorru fi spiżeriji, biex imorru jinqdew b’servizzi soċjali u qal li dawn l-istess servizzi huma punt kardinali biex qrabathom jiġu megħjuna jkollhom aktar ħin biex ikomplu bil-ħidma tagħhom mingħajr il-bżonn li joqogħdu jħabblu rashom biex jieħdu l-leave biex iwasslu lill-anzjani tagħhom.

Il-Ministru Farrugia qal li dan il-gvern ma jiqafx fiż-żieda fil-pensjonijiet, iżda jmur ferm oltre minn hekk. Huwa fakkar dwar l-għotja ta’ €7,000 għall-Carer at Home li se tkun qiegħda tkopri parti sostanzjali mill-paga ta’ carers għal dawk li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fir-residenzi tagħhom. Tkellem dwar carers professjonali li jagħtu serħan il-moħħ lill-qraba li jistgħu saħansitra jsiefru b’moħħhom mistrieħ mis-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li tant iħobbu.

Farrugia għalaq jgħid li bħala gvern mhuwiex se jieqaf itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni u li skont kif imħabbar fil-baġit 2022, se jkunu qegħdin jingħataw aktar servizzi li jassiguraw li dan il-gvern iżomm il-kelma tiegħu mal-anzjani wkoll.

Sport