Saturday, November 23, 2024

Is-sessjoni tal-eżamijiet tal-MATSEC tintemm b’suċċess

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mad-Direttur fi ħdan il-MATSEC Dario Pirotta u d-deputat Direttur tad-dipartiment tal-Eżamijiet Michael Deguara, ilbieraħ filgħaxija żaru ċentru li fih kienet għadha kemm intemmet is-sessjoni tal-eżamijiet tal-Matrikola u s-SEC li din is-sena b’mod straordinarju saru bejn id-29 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru 2020.

Il-Ministru Bonnici spjega li dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess u kollox mexa bl-aħjar mod waqt li ġiet salvagwardjata s-saħħa kemm tal-istudenti u kemm tal-eżaminaturi. Waqt li rrikonoxxa t-tħassib ġenwin ta’ min kien inkwetat dwar il-fatt li se jsiru dawn l-eżamijiet, il-Ministru Bonnici saħaq li l-fatti juru kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li l-edukazzjoni tal-istudenti tkompli anke fejn jidħlu l-eżamijiet.

Huwa saħaq li s-suċċess tas-sessjoni tal-eżamijiet ma kienx b’kumbinazzjoni imma ntlaħaq għaliex l-awtoritajiet segwew il-miżuri kollha li ġew imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru.  

Huwa qal li bejn l-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola saru b’kollox 150 sessjoni f’14-il-ċentru differenti. B’kollox ipparteċipaw 7,668 student. Mill-informazzjoni li rċevew l-awtoritajiet edukattivi mingħand l-istudenti stess, 35 student tilfu xi sessjoni jew iktar għaliex kienu kwarantina u dawn xorta waħda se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom wara pronunzjamenti li għamlu iktar kmieni din is-sena l-istituzzjonijiet terzjarji ta’ pajjiżna fejn jidħlu miżuri speċjali ta’ dħul ta’ studenti fuq “probation status”. Ukoll, ma kienx hemm każijiet ta’ studenti li kellhom jinħarġu miċ-ċentru tal-eżami għax ħassewhom ma jifilħux.

Saru 9 sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu kwarantina.

Il-Ministru Bonnici temm jirringrazzja lid-Dipartiment tal-Eżamijiet u l-Board tal-MATSEC u l-ħaddiema kollha involuti tal-ħidma kbira li wettqu sabiex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru b’suċċess għall-ġid, fl-aħħar mill-aħħar, tal-istudenti nfushom.

Sport