Sunday, November 24, 2024

“Is-sesswalità hija rigal sabiħ ħafna”

Is-sesswologu Matthew Bartolo dwar l-istudju tas-sess u s-sesswalità f’Malta

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Is-sesswalità hija rigal sabiħ ħafna, kemm għal kull individwu u kif ukoll għas-sieħeb jew is-sieħba ta’ dak li jkun. Illum il-ġurnata, sfortunatament, qegħdin ngħixu f’soċjetà konsumerista, li qiegħda tagħti diversi immaġini u l-idea li s-sess huwa biss xi ħaġa ta’ prodott. Minbarra hekk, dan qiegħed jiġi mqabbel ma’ ħaddieħor u qiegħed isir biss bħala kompetizzjoni”.

Hekk qal lil talk.mt is-sesswologu Matthew Bartolo b’reazzjoni għall-ewwel studju tat-tip tiegħu f’Malta li sar minn Sagalytics u Sex Clinic Malta. F’dan l-istudju rriżulta li n-nies li jgħixu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta għandhom it-tendenza li jaraw il-pornografija aktar spiss minn dawk f’reġjuni oħra. Min-naħa l-oħra, residenti iż-żona tal-Port tan-Nofsinhar, bħall-Belt Valletta, it-Tlett Ibliet, il-Fgura, il-Floriaba, Ħal Luqa, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, il-Marsa, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Ħal Tarxien u x-Xgħajra, jagħmlu l-att sesswali aktar spiss minn oħrajn.

Persuna tikber fir-relazzjoni u emozzjonalment tħossha aħjar
Dan is-sesswologu rrimarka li s-sesswalità hija xi ħaġa intima minħabba li hija att fejn fih wieħed jaqsam lilu nnifsu ma’ persuna oħra. “Meta persuna jkollha x’taqsam mal-maħbub jew mal-maħbuba tagħha, il-persuna kemm li tagħmel l-att, kif ukoll dik li tirċievh, tikber. Persuna tikber fir-relazzjoni u emozzjonalment tħossha aħjar. Għaldaqstant, jekk qiegħed tagħmel xi ħaġa li mhiex tgħinek tikber u tħossok aħjar, allura mhiex sesswalità pożittiva,” kompla jispjega Bartolo.

B’referenza għal dan l-istudju, is-sesswologu qal li għal dawn l-aħħar sentejn, is-“Sex Clinic Malta”, flimkien ma’ diversi professjonisti, ħadu nota biex jevalwaw it-tipi ta’ mistoqsijiet l-aktar li jinkwetaw lill-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri l-klinika.

Huwa spjega li qabdu dawn il-mistoqsijiet kollha u bejniethom qalu għax ma għandhomx jiċċekjaw is-sitwazzjoni f’Malta kif qiegħda fis-suġġett tas-sesswalità. Hawn Bartolo rrimarka li permezz ta’ dan l-istudju wieħed ikun jista’ jinduna li l-mistoqsijiet li persuna normalment ikollha dubji dwarhom, huma naturali u normali.

Tim ta’ sesswologi ma’ tim tal-istatistika
Bartolo qal li minħabba din ir-raġuni, is-Sex Clinic Malta ngħaqdet mal-istatistiku Vince Marmara u t-tim tiegħu u saret ir-riċerka. Diversi nies ġew mistoqsija l-istess mistoqsijiet. B’kollox ċemplu lil madwar 15,000 persuna u ħarġu kampjun ta’ 400 ruħ, li huwa rappreżentattiv tal-poplu kollu.

L-istess studju pprovda tagħrif dwar diversi aspetti tal-imġieba sesswali tal-poplu Malti. Dan wera li meta mqabbel ma’ studji internazzjonali oħra, 53% ta’ dawk li wieġbu rrapportaw li jaraw jew raw il-pornografija. Perċentwal simili rrapportaw li xi drabi jimmasturbaw waħidhom.

Fost dawk li jaraw il-pornografija u għandhom sieħeb jew sieħba, 74% żvelaw li s-sieħeb/sieħba tagħhom huma konxji tat-tendenza tagħhom li jaraw il-pornografija. Irriżulta wkoll li bħala medja, individwi sesswalment attivi f’Malta jagħmlu l-att sesswali sitt darbiet fix-xahar. Madankollu, dawk li jgħixu fiż-żona tal-Port tan-Nofsinhar ta’ Malta, irriżulta li dan l-att intimu jagħmluh madwar tmien darbiet fix-xahar. Dan ir-riżultat jagħmilhom l-aktar reġjun sesswalment attiv fil-pajjiż.

“Importanti ferm li n-nies jitkellmu aktar u b’mod apert”
Is-sesswologu Bartolo qal li din hija l-ewwel riċerka fuq livell daqshekk kbir ġewwa pajjiżna, fuq dan is-suġġett. Suġġett li f’Malta għadu pjuttost meqjus bħala wieħed sensittiv. Bartolo min-naħa tiegħu esprima sodisfazzjon kbira b’din ir-riċerka u qal li din hija ta’ livell għoli proprju għall-fatt li ngħaqdu ma’ diversi esperti, inkluż Vince Marmara. Huwa qal ukoll li jinsab kuntent bit-tip ta’ konversazzjoni li qiegħda tinħoloq fil-pajjiż għax bħala professjonist fil-qasam jemmen li huwa importanti ferm li n-nies jitkellmu aktar u b’mod apert dwar is-sess.

Rigward ir-riċerka nnifisha, is-sesswologu Bartolo qal li din tista’ sserraħ moħħ in-nies li jkollhom inkwiet mhux ħażin fuq moħħhom dwar temi relatati mas-sess u mas-sesswalitá. Il-parir tiegħu huwa li, “wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu li s-sess huwa xi ħaġa naturali, xi ħaġa li l-maġġoranza tan-nies jagħmlu. Huwa importanti wkoll li wieħed jifhem għalfejn qiegħed jagħmel is-sess u għandu dejjem isir b’rispett minn u lejn iż-żewġ partijiet. Importanti wkoll li meta persuna jkollha kuntatt intimu ma’ persuna oħra, din għandha tieħu ħsieb kemm li tipprotreġi lilha nnifisha, mhux biss fiżikament imma anke emozzjonalment, iżda wkoll lill-persuna l-oħra”.

Sport