Saturday, July 19, 2025

IS-SETTUR MARITTIMU

Aqra wkoll

Dawk li jargumentaw li s-settur tal-baħar jixraqlu aktar attenzjoni dejjem se jkollhom raġun anke jekk dak li jitolbu jkun diġà qed isir. Pajjiżna hu mibni mal-baħar u jiddependi f’ħafna dimensjonijiet mill-baħar, anke jekk din id-dipendenza naqqset fl-aħħar seklu. Ħafna mill-assi naturali tagħna jirriflettu r-rabta ta’ gżira f’nofs il-Mediterran mal-baħar. Irridu nkomplu nibnu fuq  din ir-rabta.

Il-problema hi li ħafna proposti konkreti dwar kif dan għandu jsir ikunu fil-fatt, ħobż mimgħud. Tibqa’ b’din l-impressjoni anke fir-rapport tal-Viżjoni 2050. Dwar l-iżvilupp ta’ aktar faċilitajiet fiżiċi li jsostnu l-qasam ftit jista’ jkun hemm kwereli ħlief fejn jidħlu kunsiderazzjnijiet ambjentali, li mhijiex problema minuri. Imbagħad il-problemi tal-falzi stikki, bħal fil-każ tal-eks Marsa Dock, jixegħlu bozza. X’sar ħażin hemm?

L-istess il-proposta li jkun hemm ministeru għall-marittimu. Hi interessanti imma llum għandna d-doppju ta’ ministeri milli għandna setturi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiż. Ministeru ieħor  kif jista’ jgħin?

***

IL-VERU POTER

Fejn jinsab il-veru poter f’pajjiżna? Fil-qasam politiku?

Il-mezzi ta’ kumnikazzjoni tradizzjonali hekk iħeġġuna nemmnu. Imma meta tifli l-affarijiet mill-qrib, issib li ta’ spiss f’li jgħidu, l-“atturi” politiċi jkunu qed jirriflettu għat-tajjeb u għall-ħażin, il-qisien ta’ setturi oħra.

Allura hu s-settur reliġjuż – tal-“knisja” – li jiddomina? Mhux daqstant. Ħlief meta tħossha li tista’ tirkeb fuq mewġa soċjali (abort, ewtanasja…), il-“knisja” tibqa’ lura (gaming, drittijiet tal-minoranzi…) u tippreferi li taġixxi bħala NGO. 

Għax sadattant fil-qasam soċjali huma l-NGO’s li jipprovaw jiddeterminaw kif jittieħdu d-deċiżjonjiet. Kollha jagħmluha skont ir-roqgħa li jinsabu fiha, ġieli b’suċċess f’li jimmiraw għalih, spiss b’disfatta. 

Iddur fejn iddur, taqa’ lejn is-settur finanzjarju u ekonomiku. Il-veru poter jinsab f’idejn il-barunijiet li jmexxuh jew qed jinqasam bejnhom u s-settur politiku?

***

FIDUĊJA F’KOALIZZJONI

Intqal fil-Ġermanja li l-koalizzjoni bejn żewġ partiti (id-demokristjani jmexxu bis-soċjalisti magħhom) taħt il-kanċellier Merz kellha tkun aktar stabbli minn ta’ qabilha taħt il-kanċellier Scholz (is-soċjalisti jmexxu bil-ħodor u l-liberali magħhom). Tal-aħħar kienet karatterizzata b’diżgwid kontinwu bejn is-sħab.

Il-koalizzjoni l-ġdida kellha tkun aktar kompatta u lesta tieħu deċiżjonijiet radikali, kif għamel Merz mill-bidu nett fuq kwisjtonijiet bħall-pożizzjoni militari tal-Ġermanja u d-dejn nazzjonali. Baqgħet taħraq, fost kwistjonijiet oħra, l-isfida tal-immigrazzjoni.

Politikament, il-bidu tal-koalizzjoni ma kienx imbierek. Biex il-Parlament Ġermaniż japprova l-ħatra ta’ Merz bħala kanċellier ittieħdu żewġ voti; l-ewwel wieħed m’għaddiex. Fil-kungress tas-soċjalisti ftit wara, il-mexxej u viċi-kanċellier Klingbeil ingħata vot favur ta’ fiduċja ta’ anqas sew minn 70 fil-mija, li kien bla preċedent.  

It-tħassib dwar kemm jista’ jkun stabbli l-gvern “ġdid” Ġermaniż mhuwiex trivjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport