Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ltaqa’ mal-Prim Ministru Palestinjan, Mohammad Mustafa, fi Brussell lejlet il-laqgħa tal-Palestine Donor Group.
Iż-żewġ naħat qablu li jidentifikaw oqsma fejn il-kooperazzjoni tista’ tissaħħaħ, fosthom permezz ta’ inizjattivi ta’ taħriġ u skambju ta’ għarfien fis-settur mediku, kif ukoll permezz ta’ skambji kulturali.
Il-Ministru Chris Fearne fakkar fl-appoġġ sod li Malta tat lill-Palestina matul is-snin, li laħaq il-qofol tiegħu bir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina f’Settembru 2025, kif ukoll fl-appoġġ kontinwu ta’ Malta għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati f’diversi fora internazzjonali, inkluż fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, u l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Fearne tenna wkoll li Malta tibqa’ opposta b’mod ċar għal kull forma ta’ spostament sfurzat tal-Palestinjani. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tar-riformi li l-Awtorità Palestinjana qed timplimenta u ħeġġeġ lill-Prim Ministru Palestinjan ikompli javvanza dawn l-isforzi, b’mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Mustafa rrefera għas-sitwazzjoni diffiċli f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent, kif ukoll għall-isfidi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw kemm l-Awtorità Palestinjana kif ukoll il-poplu Palestinjan minħabba l-kriżi li għadha għaddejja. Il-Prim Ministru Mustafa appella lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi appoġġ baġitarju ta’ emerġenza sabiex il-Palestina tkun tista’ tindirizza l-kriżi attwali kkawżata minn dħul miżmum lura u restrizzjonijiet bankarji.
