“Dak kien il-baby tagħna… ilna nibku mindu miet… għadkom ma tafux kemm weġġajna bl-insulti fuq il-midja soċjali”

Aqra wkoll

Matul il-jiem li għaddew, fuq il-midja soċjali kien hemm filmat idur fejn fih jidher żiemel jaħrab bis-serkin b’kollox, jaqa’ u jispiċċa mal-art… Aktar tard l-istess żiemel kellu jitraqqad minħabba li ma kienx baqa’ tama għalih li jgħix.

Dan is-sit tkellem ma’ Trafford Vella, sid iż-żiemel bl-isem ta’ “Poker Face”. Jibki tul il-ħin kollu li tkellem magħna. Kien hemm ħinijiet li bil-kemm stajna nifhmu dak li qiegħed jgħid minħabba l-biki li kien qed jibki.

“Dan kien il-baby tagħna. Tiegħi u tal-mara. Kif tista’ int tweġġa’ jew taħraq baby tiegħek? Kif tista’ int tħalli baby tiegħek imut. Daqshekk ilna nibku mindu seħħ l-inċident…” stqarr magħna Vella.

“Kien żiemel uniku”

Jgħidilna li ż-żiemel kellu karattur uniku. “Mhux aħna konna nieħdu gost narawh jiġri… iżda hu kien jieħu gost jiġri. Qatt ma daħħaltu għal xi tellieqa biex nirbaħ bih, imma biex narah jieħu gost. Kien jiżvoga jiġri.

“Kellu karattru li jaf jieħu gost. Kull żiemel, anzi kull annimal għandu l-karattru tiegħu. Poker Face kellu karattur versatili. Miegħi kien iħobb jinki filwaqt li ma’ marti kien jitfissed… Kont nidħol ħdejh u nieħdu gost flimkien. Kont noqgħod nieqes mill-affarijiet jien biex hu ma jkun jonqsu xejn. Eżatt bħal meta jkollok tarbija. Tara li t-tarbija ma jkun jonqosha xejn anke jekk toqgħod nieqes int,” itenni Vella.

Dakinhar tal-inċident

Dak il-jum jien qatt ma se ninsieh. Kienet xi ħaġa traġika għal aħħar. “Xi ħaġa li jien ma nista’ ninsa qatt ma kelli naċċetta li nraqqad għal dejjem lill-baby tiegħi… u agħar minn hekk kelli mmur bih il-biċċerija.”

Dakinhar iż-żiemel kien se jiġri u kien armat b’kollox. “Ġara li kien hemm il-ġerrej u marti ħdejn iż-żiemel. Xħin kienu se jinżlu bih ġiet tifla li lanqas qatt ma rajnieha u bdiet timiss u tittanta liż-żiemel. Marti u l-ġerrej wissewha biex tħallih bi kwietu għax ma kienx ta’ idejha. Iżda hi baqgħet tiffittah. Poker Face sfratta u spiċċa telaq jiġri bis-serkin b’kollox bil-konsegwenza u waqa’,” jirrakkonta Vella filwaqt li l-ħin kollu kien qiegħed jibki.

Ikompli jirrakkonta li bilfors kellhom iċemplu l-veterninarju biex jaraw kif jistgħu jgħinu liż-żiemel. “Kont lest li nħallas anke 55,000 ewro biex iż-żiemel jgħix… Imma jien naf li dan biex jgħix se jgħaddi minn tbatija kbira, uġigħ kbir immens fuq pariri tal-VETs kelli naċċetta li ż-żiemel jitraqqad,” jistqarr magħna Vella.

Il-midja soċjali

Il-filmat tiegħu jaqa’ spiċċa jdur fil-midja soċjali fejn rawh eluf kbar ta’ persuni.

“Għadek ma tafx kemm laqqatna tgħajjir. Tal-biża’ n-nies. Imma tgħid dawn in-nies bla kuxjenza? Għandna ferita kbira bil-mewt taż-żiemel u bil-kummenti tan-nies kibret il-ferita.

“Dan kien hemm min kiteb li jien għandi nintbagħat tliet snin ħabs talli ħallejt iż-żiemel iweġġa’… Kien hemm kien kiteb li għamilta apposta biex joqtlu għal 2,000 ewro laħam… Kien hemm min kiteb li kien jixtieq li jien nitkaxkar miegħu biex inweġġa’ bħalu u nispiċċa f’qiegħ ta’ sodda l-isptar… temmen li rċevejna dawn il-kummenti? Dawn Maltin bħalna li kitbu dawn il-kummenti…” ikompli jgħidilna Vella.

Sid iż-żiemel itemm l-intervista billi jgħidilna “immaġina tmutlek tarbija u n-nies bla ma jkunu jafu x’ġara jibdew jgħajruk bl-addoċċ… Iż-żiemel kien, għadu u jibqa’ l-baby tagħna.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport