Sunday, December 22, 2024

IS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI… IL-PASS LI JMISS

Aqra wkoll

Il-bidla fis-settur tal-kostruzzjoni sabiex jintlaħqu standards dejjem ogħla ilha li bdiet. Din hija realtà li f’dawn l-aħħar xhur b’mod partikolari u anke qabel, il-Gvern implimenta u wettaq numru ta’ bidliet importanti. F’dan il-kuntest nemmnu li l-bidla f’dan is-settur trid tkompli tingħata aktar importanza.

Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela wara li ppubblika r-rapport ta’ inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Il-Gvern mmexxi minnu, jemmen li l-bidliet li hemm bżonn isiru, hemm bżonn li dawn jitwettqu malajr kemm jista’ jkun.

Nemmnu li b’rieda assoluta tal-Gvern, se jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rappport tal-inkjesta. Wieħed ma jistax ma jsemmix li wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija, diġà beda x-xogħol fuqhom. Dan filwaqt, li hemm oħrajn li huma parti mill-manifest elettorali.

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax kif mill-azzjonijiet immedjati li se jkunu qed jittieħdu, iċ-ċittadin se jingħata aktar leħen b’sistemi aħjar u aktar aċċessibbli biex l-argument taċ-ċittadini fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli jasal b’mod effikaċi. Miżura oħra li se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern, hija dik li se jkun qiegħed jipprovdi assistenza professjonali ta’ Avukati u Periti lil dawn iċ-ċittadini.

Nemmnu wkoll li l-infurzar irid ikompli jintensifika b’taqsima ċentralizzata li tissorvelja l-infurzar fis-settur. B’konformità ma’ dan se jinħoloq helpline ffukat fuq il-qasam. Barra minn hekk, sas-sajf se jkun hemm liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà. Tħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se titneħħa kull distinzjoni bejn bini stand-alone u bini ieħor.

L-istess inkjesta tgħid ċar li hemm riservi dwar il-mod kif saret l-allokazzjoni tal-art u riservi kif isiru l-allokazzjonijiet ta’ artijiet tal-Gvern. F’dan ir-rigward, se jsir audit tal-proċessi ta’ allokazzjoni biex jiġi aġġornat kull fejn meħtieġ.

Dawn huma azzjonijiet immedjati li b’ħidma mill-Gvern, nemmnu li se jitwettqu bi prijorità. Huwa ċar li s-settur tal-kostruzzjoni huwa settur li jeħtieġ iżid l-istandards tiegħu għal dak li ġustament iċ-ċittadini jippretendu fil-ġurnata tal-lum.

Konvinti li l-bidliet li huma rakkomandati fl-inkjesta, kkumplimentati ma’ dak li twettaq diġà mill-Gvern, se jgħinu biex din l-industrija tkompli taħdem u fl-istess waqt tpoġġi d-drittijiet taċ-ċittadini fuq quddiem nett ta’ dan kollu. Fuq kollox irridu industrija taħdem bl-akbar rispett lejn iċ-ċittadini kollha tagħna. Industrija li fuq kollox tħares l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan is-settur.

Ekonomija

Sport