Wara jiem sħaħ ta’ kesħa u anke xi ftit xita, mil-lum jidher li l-gżejjer Maltin bil-mod il-mod se jibdew deħlin lejn il-ġranet tas-sajf.
Diversi siti tat-temp qegħdin ibassru li mil-lum ‘il quddiem l-ogħla temperatura se tkun bejn 20°C u 22°C li jfisser li l-kesħa qiegħda titlaq minn fuqna bil-mod.
Għal dawk kollha li jħobbu l-baħar pero jidher li dan għadu xi ftit kiesaħ minħabba li bħalissa qiegħed ikun f’temperatura ta’ 16°C jew 17°C. Minkejja dan ta’ min jgħid li hawn persuni li jmorru l-baħar is-sena kollha u hekk kif jaraw ftit xemx anke f’Diċembru jmorru jaqbżu qabża l-baħar.
Intant, it-temp għal ġimgħa li ġejja se jkun hekk:
Għada t-Tnejn ftit imsaħħab b’riħ il-Lbiċ forza 3 għal 4. It-Tlieta se jibqa’ ftit imsaħħab iżda se jitqawwa ftit ir-riħ u jitla’ għal forza 4 għal 5 mill-Majjistral. L-Erbgħa imbgħad ir-riħ se jdur lejn il-Punent b’forza 5, iżda sa filgħaxija jdur Punent Majjistru u jinżel forza 4.Il-Ħamis it-temp se jkun ftit jew wisq imsaħħab u b’riħ forza 2 għal 3 mix-Xlokk.
Għal tmiem il-ġimgħa li ġejja li hu wkoll ‘long weekend’ it-temp se jkun il-Ġimgħa xemxi b’riħ forza 3 mix-Xlokk, is-Sibt ftit jew wisq imsaħħab b’riħ mix-Xlokk li jdur mil-Lbiċ sa filgħaxija għal forza 4, filwaqt li l-Ħadd se jkun imsaħħab b’riħ Xlokk forza 3.