“Is-sħubija mal-ACE hija essenzjali biex inkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna” – il-Ministru Glenn Bedingfield

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), li matulha ġew diskussi diversi temi ta’ interess għall-industrija tal-catering, b’enfasi fuq il-ħidma konġunta biex jinżammu l-bonordni, is-sigurtà u ambjent pożittiv fiż-żoni kummerċjali u turistiċi.

Matul il-laqgħa bejn il-ministru u l-President ta’ ACE, Michelle Muscat, u s-Segretarju tal-Assoċjazzjoni, Matthew Pace, ġie diskuss kif il-ministeru u l-entitajiet fi ħdanu jistgħu jkomplu jikkollaboraw mal-operaturi tas-settur sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jinqalgħu, filwaqt li jissaħħaħ id-djalogu regolari bejn il-Gvern u l-industrija.

Il-Ministru Glenn Bedingfield saħaq li l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering hija sieħeb importanti fil-ħidma tal-ministeru.

“Il-komunikazzjoni kontinwa mas-settur hija essenzjali biex nifhmu aħjar ir-realtajiet li jiffaċċjaw l-operaturi u biex, flimkien, insibu soluzzjonijiet li jkomplu jsaħħu s-sigurtà, il-bonordni u l-esperjenza kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi. Huwa permezz ta’ din il-kollaborazzjoni li nistgħu nibnu fuq dak li diġà nkiseb u nkomplu ntejbu s-servizz offrut,” qal il-Ministru Bedingfield.

Ir-rappreżentanti tal-ACE laqgħu b’sodisfazzjon l-opportunità li jiddiskutu direttament mal-ministru temi li jolqtu lis-settur, filwaqt li tennew l-impenn tagħhom li jkomplu jikkollaboraw mal-awtoritajiet sabiex jinżamm ambjent sigur, organizzat u attraenti għall-pubbliku u għall-eluf ta’ turisti li jżuru Malta kull sena.

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà se jkompli jżomm kuntatt regolari mal-imsieħba kollha fis-settur sabiex jissaħħaħ l-impenn konġunt favur komunitajiet aktar siguri u sostenibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport