L-Għaqda Piroteknika Maltija (MPA) fi stqarrija qalet li n-nar tal-art jibqa’ parti importanti mit-tradizzjoni tal-festi Maltin u li l-wirjiet isiru skont regolamenti stretti tas-sigurtà u b’permessi validi.
L-MPA saħqet li l-pirotekniċi liċenzjati għandhom jimxu mar-regolamenti tal-pulizija u mar-rekwiżiti tas-sigurtà filwaqt li kompliet tgħid li l-wirjiet tan-nar huma koperti b’assigurazzjoni u, fejn ikun meħtieġ, jingħataw l-appoġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, Transport Malta u l-LESA sabiex jitnaqqsu r-riskji.
L-istqarrija titkellem ukoll dwar l-isfidi li dejjem jikbru huma kkawżati minn bini li qed jidħol fiż-żoni ta’ sigurtà madwar il-postijiet minn fejn jinħaraq in-nar, kif ukoll mill-użu mhux awtorizzat ta’ art fil-viċin għal skopijiet bħal ħażna, scrapyards u boat yards. Qalet li dawn jistgħu jaffettwaw it-twettiq sigur tal-wirjiet tan-nar.
L-MPA appellat għal aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pubbliku u ħabbret li l-Malta Academy of Pyrotechnics dalwaqt se tibda toffri korsijiet akkreditati u diploma avvanzata fil-piroteknika.
Hija enfasizzat ukoll l-importanza li tinżamm it-tradizzjoni tan-nar tal-art f’Malta, li ddeskrivietha bħala parti essenzjali mill-wirt kulturali tal-pajjiż.


