“Is-Sibt li ġej huwa test tagħna imma huwa wkoll test għalik. Din hija d-deċiżjoni li inti waħdek trid tieħu fil-kamra tal-vot is-sibt li ġej”. Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-aħħar diskors tiegħu fi tmiem il-kampanja elettorali 2022 mill-Belt Valletta.
Tkellem dwar l-elezzjoni tas-Sibt li ġej u ddeskrivieha bħala l-uniku survey kunfidenzjali fejn dawk li jibżgħu jitkellmu, li jibżgħu jesprimu ruħhom jew li jibżgħu jassoċjaw ruħhom jistgħu jużaw il-lapes biex iħażżu l-futur ta’ libertà.
Grech qal li minkejja li l-Prim Ministru sippost jinsab seren u komdu qiegħed juri imġiba ta’ xi ħadd li jinsab f’paniku kbir.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lil dawk preżenti biex jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għax bħala partit huma kburin bit-tim kollu.
Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa favur in-nazzjon kollu u kontra l-klikka li tistagħna u ssir miljunarja minn fuq dahar il-poplu.
Irrefera għall-attendenza fil-Belt Valletta mhux biss bħala kuraġġ għall-Partit Nazzjonalista, iżda messaġġ ta’ kuraġġ u fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi kollu. “Jien ma jien xejn mingħajr il-vot tiegħek ta’ nhar is-Sibt imma għalhekk hemm bżonn li jekk hemm xi ħadd li għadu mhux konvint jeħtieġ li tpoġġu miegħu u tispjegawlu li aħna lkoll ġenwini”, temm jgħid Grech.